F’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), li saret ilbieraħ fil-bini tal-General Workers’ Union, ġie diskussa l-Istrateġija Nazzjonali għar-Riforma fis-Sistema tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet: 2025-2035.
Fi preżentazzjoni minn uffiċjal tal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet ġew spjegati t-18-il rakkomandazzjoni biex tintlaħaq din il-viżjoni li jinstabu fid-dokument li tressaq għall-konstulazzjoni pubblika. Fost l-aktar importanti hemm il-ħtieġa li jiġi aġġornat l-Att li waqqaf ir-Reġistru tal-Artijiet, bil-għan li, fi żmien għaxar snin, it-territorju kollu ta’ Malta jkun kopert mir-reġistrazzjoni.
Barra minn hekk, id-dokument jipproponi titjib fil-kwalità u ċ-ċertezza taċ-Ċertifikat tat-Titlu ta’ proprjetà, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ miżuri biex il-konfini ta’ kull proprjetà jkunu definiti b’mod aktar ċar. Rakkomandazzjoni kruċjali oħra hija l-ħolqien ta’ qafas għal medjazzjoni u arbitraġġ, li jippermetti soluzzjonijiet aktar effiċjenti għall-kwistjonijiet li jinqalgħu.
Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li din ir-riforma għandha l-għan li sas-sena 2035, Malta kollha ssir żona ta’ reġistrazzjoni għall-proprjetà. Huwa enfasizza l-importanza ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni tal-art aġġornata, li tissodisfa l-ħtiġijiet tas-settur u toffri servizz aħjar lill-klijenti u l-professjonisti involuti filwaqt li nużaw l-esperjenza li pajjiżna kiseb f’dawn l-aħħar 41 sena minn meta inbeda r-reġistru tal-artijiet għall-ewwel darba.
Il-Ministru saħaq li dan huwa biss l-ewwel pass biex titqajjem aktar għarfien dwar il-bżonn u l-benefiċċji ta’ Reġistru tal-Artijiet trasparenti u modern. L-għan tal-proċess ta’ konsultazzjoni huwa li jinkiseb l-akbar kunsens possibbli biex tiġi żgurata l-effiċjenza u s-suċċess tas-sistema.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul innota kemm l-MCESD huwa pjattaforma importanti li jiffaċilita d-djalogu f’riformi u tfassil ta’ policies ewlenin tal-Gvern. Semma kif din ir-riforma, bħal riformi oħra li ġew diskussa f’dan il-Kunsill fil-ġimgħat li għaddew, hija waħda bżonnjuża għaliex iżżid is-sigurtà meħtieġa filwaqt li ssaħħaħ il-fiduċja fis-suq tal-proprjetà. “Din ir-riforma flimkien mal-Labour Migration Policy, Vision 2050 u r-Riforma tal-Inkjesti Maġisterjali, ilkoll diskussa fl-MCESD, juru l-impenn tal-Gvern li jisma’ u jiddiskuti bil-għan li l-policies tal-Gvern verament jirriflettu l-ħtiġijiet tal-poplu u tal-pajjiż”, qal Dr Ellul.
Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, saħaq fuq l-importanza ta’ din ir-riforma. Huwa spjega kif din l-inizjattiva mhijiex biss pass lejn aktar ċarezza dwar is-sjieda tal-art, iżda wkoll lejn sistema aktar trasparenti u effiċjenti li ssaħħaħ il-fiduċja fis-suq tal-proprjetà.
L-imsieħba soċjali laqgħu b’sodisfazzjon din il-laqgħa, fejn kellhom l-opportunità li jiddiskutu l-ħsibijiet, il-kunsiderazzjonijiet u s-suġġerimenti tagħhom direttament mal-Ministru. Dawn ġew ikkunsidrati bis-serjetà sabiex il-liġi finali tkun riflessjoni vera tal-bżonnijiet tal-pajjiż u tas-soċjetà.
F’dan il-kuntest, l-imsieħba soċjali enfasizzaw ukoll l-importanza tad-diġitalizzazzjoni u s-sigurtà tad-data, li huma elementi kruċjali għal sistema moderna ta’ reġistrazzjoni tal-art. Ġie diskuss ukoll il-qafas ta’ żmien għall-implimentazzjoni tar-riforma, sabiex tkun assigurata tranżizzjoni bla xkiel u li tirrifletti r-realtajiet tal-lum. Din hija bidla essenzjali li mhux biss se tikkjarifika d-drittijiet tal-proprjetà, iżda wkoll tikkonsolida l-informazzjoni f’sistema ċentralizzata li tkun aktar faċli biex tintuża minn professjonisti u ċittadini.
F’kummenti ma’ dan il-ġurnal fi tmiem il-laqgħa tal-MCESD, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja qal li: “il-ħtieġa għal dan il-proċess ilha tinħass ħafna, hekk kif tajjeb li jkun kollox ċentralizzat. Importanti li l-klijenti jkunu infurmati tajjeb b’din is-sistema ġdida, bid-dettalji kollha meħtieġa għalihom spjegat b’mod sempliċi u li s-sit li jridu jużaw ikun user friendly. Il-klijent m’għandux għalfejn jidħlu fi spejjeż u ġiri żejda. Tajjeb ukoll li jkollhom serħan il-moħħ li dan il-proċess jaħdem b’mod kunfidenzjali.”
Il-konsultazzjoni pubblika ser tibqa miftuħa sat-28 ta’ Frar 2025. Il-Ministeru qed jinkoraġġixxi lil dawk direttament interessati u lill-pubbliku biex jesprimu formalment il-ħsibijiet tagħhom dwar din l-istrateġija. Id-dokument li jista’ jitniżżel mis-sit elettroniku https://www.gov.mt/en/publicconsultation/Pages/2024/NL-0036-2024.aspx huwa wieħed li jagħti dettalji dwar il-kuntest li fih tfassal dan id-dokument u r-rakkomandazzjonijiet li qed isiru favur din ir-riforma.