Saturday, October 5, 2024

L-MDA favur inċentivi biex aktar individwi jkunu jaffordjaw jixtru u mhux jikru

Aqra wkoll

Is-suq lokali tal-proprjetà temm is-sena fl-ogħla livell hekk kif il-konvenji lokali żdiedu b’9%. Barra minn hekk, il-valur totali ta’ dawn it-tranżazzjonijiet żdied b’10% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

Dan ifisser li t-total ta’ konvenji matul l-2023 laħaq is-16,636 b’valur ta’ madwar €4.6 biljun. Dan juri żieda ta’ 3% fuq l-€4.2 biljun tal-2022 u ċifra li tqarreb ħafna dik tal-2021meta l-valur totali kien ta’ €4.8 biljun. L-2021 kienet it-tieni l-aqwa sena qatt irreġistrata għas-suq tal-proprjetà.

Fi stqarrija maħruġa mill-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżvilupp (MDA) intqal li din l-informazzjoni tikkonferma r-reżiljenza tas-suq tal-proprjetà. Kompliet biex tgħid li turi wkoll li l-proprjetà tibqa’ sors ta’ investiment għall-familji Maltin u li s-settur jirrappreżenta l-interessi ta’ eluf ta’ investituri, kbar u żgħar.

L-MDA sostniet li l-gvern għandu jkompli jinvesti fl-infrastruttura u għandu wkoll joħroġ inċentivi għal bini aktar ekoloġiku li għandu jkun ta’ prijorità.

“L-MDA se tkompli tressaq aktar proposti għal inċentivi li jgħinu individwi biex ikomplu jaffordjaw ix-xiri pjuttost milli l-kiri ta’ proprjetajiet”, temmet l-istqarrija.

Sport