Fl-ewwel xahar tas-sena ġew reġistrati 1,247 konvenju. Meta kkumparati mal-istess perjodu fl-aħħar seba’ snin din hija l-ogħla rata ta’ konvenji reġistrati. Il-valur tal-proprjetajiet mibjugħin f’Jannar ta’ din is-sena jammonta għal €328,438,582 li huwa wkoll l-ikbar ammont għall-istess xahar fuq medda ta’ seba’ snin.
Fi stqarrija b’reazzjoni għal dawn iċ-ċifri, l-Assoċjazzjoni tal-Iżvilppaturi Maltin (MDA) qalet li dawn iċ-ċifri jikkonfermaw li l-analiżi riċenti rigward tnaqqis fil-konvenji meta kkomparati mas-snin preċedenti kienet waħda li setgħet tiżgwida b’mod inġenerali. L-MDA qalet li bħalma diġà qalet rigward it-tnaqqis reġistrat f’Diċembru tas-sena li għaddiet, Diċembru tal-2021 kienet sena anormali minħabba li f’dak ix-xahar kienu jagħlqu l-inċentivi tal-gvern relatati mal-Covid-19 u dan wassal għal diversi persuni jħaffu biex jagħlqu l-konvenji tagħhom. Infatti Jannar tal-2021 kienu reġistrati ammont sinifikanti ta’ konvenji inqas min-normal fl-istess perjodu.
L-assoċjazzjoni rrimarkat ukoll li ċ-ċifri ta’ diċembri 2022 jikkumparaw tajjeb ma’ dawk tal-istess xahar tas-sena 2020 filwaqt li l-aħħar ċifri juru li Jannar li għadda kien wieħed ferm b’saħħtu fejn jidħlu konvenji reġistrati.
L-MDA qalet li dawn l-aħħar ċifri jikkonfermaw li s-suq tal-proprjetà għadu l-iktar metodu mfittex mill-familji u n-negozji biex isir investiment anke jekk fl-aħħar ġimgħat kien hawn min prova juri mod ieħor.