L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) stqarret li l-liċenzjar m’għandux ikun biss għall-iżviluppaturi u l-kuntratturi imma wkoll għal kull min jaħdem fl-industrija tal-kostruzzjoni fosthom dawk li jqegħdu l-madum u dawk li jwaħħlu t-twieqi. L-MDA qalet dan għaliex ma jistax jibqa’ tollerat aktar id-dilettantiżmu li qed jagħmel ħsara kbira lill-industrija tal-kostruzzjoni u joħloq tgergir fost in-nies.
L-MDA saħqet li ilha s-snin tistinka għal taħriġ propju u adegwat u professjonaliżmu għal dawk li joperaw f’din l-industrija u sostniet li dawk li ma jikkonformawx mal-prattiċi tal-lum m’għandhomx jitħallew jaħdmu darba għal dejjem f’din l-industrija.
Filwaqt li sostniet li bħala Assoċjazzjoni dejjem wettqet skrutinju qawwi tal-applikazzjonijiet għal sħubija fi ħdanha, ma taċċettax lil kulħadd speċjalment dawk li jqisu lilhom infushom bħala żviluppaturi mil-lejl għan-nhar.
Dam filwaqt li tingħata prijorità assoluta lil dawk ta’ rieda tajba biex jaraw li din l-industrija tilqa’ l-isfidi kollha meħtieġa biex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-periklu kif ukoll l-inkonvenjent għan-nies li għandhom kull dritt li jgħixu ħajja trankwilla.
Fl-istqarrija tagħha, l-MDA saħqet ukoll fuq il-ħtieġa li jkun magħruf min ikun wara kull proġett u li jkun aċċertat li l-kuntratturi jkollhom nies kompetenti biżżejjed biex ikunu fuq is-sit tal-kostruzzjoni. Dan kollu huwa meħtieġ anke jekk l-ammont ta’ żvilupp li qed isir bħalisssa jibda jista’ jonqos.