Friday, November 15, 2024

L-MDB jestendi l-Iskema ta’ Garanzija tal-Covid-19 sa Ġunju 2022

Aqra wkoll

Il-Bank Malti għall-Iżvilupp ħabbar l-estensjoni tal-Iskema ta’ Garanzija tal-Covid-19 (CGS) sa Ġunju 2022. Fid-dawl ta’ sinjali ta’ rkurpru ekonomiku u l-iżviluppi marbuta mal-Covid-19, f’Novembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea estendiet il-Qafas Temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat b’sitt xhur oħra, sat-30 ta’ Ġunju 2022. Dan ippermetta li l-Istati Membri, fejn meħtieġ, jestendu l-iskemi ta’ appoġġ biex jiżguraw li n-negozji milquta mill-kriżi ma jinqatgħux mill-għajnuna meħtieġa.

Għal dan l-għan, l-MDB kiteb lill-Kummissjoni Ewropea biex jestendi l-faċilitajiet tal-Covid-19 tal-Bank b’konformità mal-emendi tal-Qafas Temporanju u fid-deċiżjoni tagħha tat-12 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni approvat it-tiġdid tal-iskemi eżistenti tal-MDB għall-Covid-19 sat-30 ta’ Ġunju 2022.

Fl-aħħar notifika tiegħu, l-MDB talab ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex jibdel uħud mit-termini tas-self tas-CGS, kemm dawk ġodda kif ukoll eżistenti, biex tingħata aktar flessibbiltà fejn meħtieġ.

Il-Kummissjoni Ewropea approvat li f’każijiet eċċezzjonali u fid-diskrezzjoni tal-banek kummerċjali, it-terminu tas-self  jista jiġi estiż minn 72 xahar għal massimu ta’ 96 xahar (inkluż il-perjodu tal-moratorju). Fil-każ tal-estensjoni tali tal-maturità, se jkun hemm bidla wkoll fil-miżati tal-garanzija, li jkunu japplikaw b’mod retrospettiv, suġġetti wkoll għal termini u kundizzjonijiet oħra.

L-għan tal-iskemi tal-MDB huwa li jiżguraw il-kontinwità tal-attività ekonomika matul u warail-pandemija, u jaraw li l-intrapriżi milquta mill-Covid-19 jibqa’ jkollhom aċċess għall-faċilitajiet bankarji biex jiffinanzjaw il-kapital tax-xogħol tagħhom.

Hekk kif dawn il-faċilitajiet se jibqgħu applikabbli sal-aħħar ta’ Ġunju 2022, in-negozji li jeħtieġu dan il-finanzjament għandhom jagħmlu kuntatt ma’ wieħed mid-disa’ banek kummerċjali akkreditati li qed jaġixxu ta’ intermedjarji ta’ dawn l-iskemi. Aktar minn hekk, l-estensjoni hija applikabbli wkoll għall-Iskema ta’ Sussidju fuq ir-Rata tal-Imgħax tal-Covid-19, skema oħra tal-MDB fejn applikanti jistgħu jgawdu minn għotja sa 2.5% fuq l-imgħax pagabbli fuq l-istess self tas-CGS għall-ewwel sentejn tat-terminu.

L-intervent tal-MDB permezz ta’ dawn l-iskemi kien kruċjali biex jiżgura li n-negozji Maltin jibqgħu għaddejjin minkejja limitazzjonijiet kbar ta’ likwidità minħabba r-restrizzjonijiet imposti waqt il-pandemija. Imnedija f’April 2020, is-CGS tal-MDB hi sostnuta minn garanzija tal-Gvern ta’ €350 miljun u timmobilizza l-likwidità tal-banek kummerċjali fi kreditu fl-ekonomija lokali.

Permezz tas-CGS, l-MDB jipprovdi garanzija ta’ 90% fuq self ġdid fuq kapital tax-xogħol mogħti minn banek kummerċjali u dan il-kapital qed jippermetti l-ħolqien ta’ portafoll li jista’ jlaħħaq €777.8 million f’self għan-negozji kollha, irrispettivament mid-daqs jew settur. Spejjeż li jistgħu jiġu korputi jinkludu pagi, kirjiet u kontijiet tal-enerġija fost l-oħrajn.

Ekonomija

Sport