Wednesday, November 19, 2025

L-MDB Jħaddem Fondi Ewropej f’€6.25 Miljun għall-Istudenti

Aqra wkoll

Strument finanzjarju ġdid se jservi ta’ appoġġ lil studenti li jridu jsegwu edukazzjoni għolja u speċjalizzata f’Malta jew barra minn xtutna. StudentAssist ġie żviluppat mill-Bank Malti għall-Iżvilupp (MDB) f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, fi sħubija mal-APS Bank u l-Bank of Valletta.

Billi jibni fuq ir-riżultati pożittivi tal-inizjattivi FSMA u FSMA+, li diġà għenu 800 student b’aktar minn €33 miljun f’appoġġ, l-istrument il-ġdid jespandi l-aċċess għall-edukazzjoni u jagħmel l-istudji ulterjuri aktar aċċessibbli u sostenibbli.

Permezz ta’ StudentAssist, studenti jistgħu jibbenefikaw minn self sa €100,000 biex ikopru spejjeż eliġibbli relatati mal-edukazzjoni, inkluż ħlasijiet tal-korsijiet infushom, spejjeż ta’ akkomodazzjoni, spejjeż relatati mal-għajxien, u spejjeż tal-ivvjaġġar għal studji barra mill-pajjiż.

Is-self huwa disponibbli kemm għal korsijiet full-time, part-time u għal tagħlim remot, minn livell 5 tal-MQF sa livell 8, kif ukoll ċertifikati u kwalifiċi rikonoxxuti internazzjonalment.

StudentAssist joffri self fit-tul sa 15-il sena. Dan is-self jinkludi perjodu ta’ moratorju li matulu l-istudenti mhumiex meħtieġa jagħmlu ħlasijiet tal-kapital jew tal-imgħax. Dan il-perjodu jkopri t-tul sħiħ tal-kors u tipikament jestendi għal 12-il xahar wara li jitlestew l-istudji.

Karatteristika ewlenija tal-iskema hija sussidju tar-rata tal-imgħax iffinanzjat minn grant, li jkopri bi sħiħ l-imgħax li jinġabar matul il-perjodu tal-istudju u għal sena addizzjonali wara t-tlestija tal-istudji. Dan biex l-istudenti ma jġorru ebda piż finanzjarju waqt li jkunu qed jistudjaw.

Fattur ewlieni ieħor huwa mekkaniżmu ta’ garanzija li jkopri sa 80% ta’ kull self maħruġ mill-banek kummerċjali li jipparteċipaw. Din il-garanzija tippermetti lill-banek joffru self lill-istudenti mingħajr il-ħtieġa ta’ kollateral, kontribut minn qabel, jew garanziji mill-membri tal-familja. B’hekk il-finanzjament isir aktar aċċessibbli lil studenti, speċjalment dawk żgħażagħ, u jonqos il-piż finanzjarju fuq il-familji tagħhom.

Biex din l-inizjattiva tkun possibbli, il-Ministeru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali żgura finanzjament mill-UE taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid, u dan qiegħed jintuża flimkien ma’ fondi nazzjonali addizzjonali. L-Awtorità Maniġerjali allokat €1.5 miljun minn dawn ir-riżorsi li, permezz tal-Malta Development Bank, se jiġu integrati għal portafoll totali ta’ €6.25 miljun li se jkun disponibbli permezz tal-APS Bank u Bank of Valletta.

Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-APS Bank Marcel Cassar, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta Kenneth Farrugia, u l-Kap Eżekuttiv tal-MDB Alison Micallef, fil-preżenza tal-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, iċ-Chairman tal-MDB Leo Brincat, u l-Kap Koordinatur fi ħdan Fondi.eu, Keith Robert Galea.

F’kumment dwar it-tnedija, Dr Georgina Scicluna, Kap tal-Awtorità Maniġerjali tal-Programm ESF+ f’Malta, qalet li “Permezz tal-fondi Soċjali Ewropej, aktar studenti se jkomplu jkollhom l-opportunità li javvanzaw bl-istudji u l-ambizzjonijiet tagħhom. Permezz ta’ fondi Ewropej, qed ninvestu fin-nies u fil-futur tagħhom. L-ESF+ ipoġġi l-investiment soċjali fuq quddiem nett, u billi ninvestu f’dan l-istrument finanzjarju, qegħdin nappoġġjaw l-impenn nazzjonali biex nibnu forza tax-xogħol aktar inklussiva, kompetittiva u reżiljenti.”

Iċ-Chairman tal-Bank Malti għall-Iżvilupp Leo Brincat qal li “billi nwessgħu l-opportunitajiet għall-ispeċjalizzazzjoni, qed nagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ biex ikunu protagonist fil-kompetittività ta’ Malta, kemm illum u kemm fil-ġejjieni. Din l-inizjattiva tirrifletti l-mandat tal-Bank li jinkoraġġixxi tkabbir sostenibbli u jibni reżiljenza nazzjonali, għaliex għall-MDB, it-talent ma jafx fruntieri u l-eċċellenza għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd.” 

Il-Kap Eżekuttiv tal-MDB Alison Micallef enfasizzat li l-espansjoni tal-aċċess għall-finanzi tiftaħ opportunitajiet għal aktar individwi biex ikomplu studji avvanzati, u tagħtihom is-setgħa li jsawru l-futur ta’ Malta. “Din l-inizjattiva tirrifletti d-dedikazzjoni tal-Malta Development Bank biex jibni ekonomija aktar inklussiva u reżiljenti; waħda fejn kulħadd ikollu ċ-ċans li jirnexxi u jikkontribwixxi għall-progress nazzjonali,” ikkonkludiet Micallef.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport