Wednesday, December 25, 2024

L-MDIA b’investiment ta’ €4 miljun fuq sitt proġetti b’Intelliġenza Artifiċjali

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, ħabbar sitt proġetti f’oqsma differenti li se jkunu qegħdin iħaddmu l-Intelliġenza Artifiċjali biex jiffaċilitaw ħajjet in-nies.

Dawn is-sitt proġetti kienu stabbiliti fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Intelliġenza Artifiċjali, u biex ikunu mwettqa l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) se tkun qed tagħti ‘l fuq minn €4 miljun.

Is-sitt proġetti jittrattaw is-setturi tat-trasport, l-enerġija, is-saħħa, l-edukazzjoni, it-turiżmu u servizz.gov.

Il-Ministru Silvio Schembri spjega li permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Intelliġenza Artifiċjali, Malta qed taspira li ssir post minn fejn kumpaniji u intraprendituri lokali u barranin jistgħu jiżviluppaw, jittestjaw, u jkabbru sistemi tal-Intelliġenza Artifiċjali, filwaqt li jesebixxu l-valur tal-innovazzjonijiet tagħhom lil pajjiż li huwa lest li juża din it-teknoloġija. “L-ambizzjoni hija li f’Malta noħolqu l-aħjar kundizzjonijiet possibbli sabiex l-Intelliġenza Artifiċjali tkun xprunata minn pajjiżna,” saħaq il-Ministru Schembri.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ingħataw dettalji fuq dawn is-sitt proġetti:

Proġett ma’ Transport Malta li għaddejja fuq ħidma biex it-traffic lights, is-CCTVs, u d-display panels b’diversi messaġġi li nsibu fit-toroq ikunu inkorporati flimkien fuq sistema waħda, u l-informazzjoni miġbura u annalizata tintuża biex ikollna mmaniġġjar aħjar tat-traffiku. L-informazzjoni tkun tista’ tintuża wkoll fuq pjattaformi marbuta mat-toroq u t-traffiku, bħal Google Maps. Għal dan il-proġett l-MDIA se tkun qed tinvesti €1.9 miljun.

Fil-qasam tal-enerġija se jingħaqdu flimkien l-Enemalta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-ARMS, u permezz ta’ algorithms se tinġabar u tkun organizzata u analizzata data kurrenti biex jinstabu patterns u informazzjoni importanti dwar l-użu tal-ilma u d-dawl. Dan se jwassal biex dawn l-entitajiet ikunu jistgħu jimmassimizzaw ir-riżorsi filwaqt li jipprovdu rispons f’ħin reali lill-klijenti u anke jkunu identifikati problemi fis-sistema qabel ma jseħħu – dan fi sforz favur aktar effiċjenza. F’dan il-każ, l-investiment min-naħa tal-MDIA se jammonta għal kważi €380,000.

Flimkien ma’ servizz.gov, se jkun qed jinħoloq chatbot biex jiżdied mas-servizzi aktar tradizzjonali li toffri l-aġenzija, bħall-email, il-mobile app u l-freephone, biex il-konsumatur ikun jista’ jinqeda aħjar. Għal dan il-proġett, l-MDIA se tagħti €590,000.

Fil-qasam edukattiv se tinħoloq sistema adattiva li tgħin lill-istudenti jiksbu edukazzjoni aħjar permezz ta’ programmi ppersonalizzati skont il-prestazzjoni, l-ambizzjonijiet, u l-ħiliet tal-istudent. Għal dan il-proġett hemm iddedikati €150,000 mingħand l-MDIA.

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri waqt il-konferenza tal-aħbarijiet. Ritratt: Clodagh O’Neill

Fil-qasam tas-saħħa, flimkien mas-Central Procurement and Supplies Unit, se tintuża l-Intelliġenza Artifiċjali għall-ħolqien ta’ forecasting application — għodda li tkun kapaċi tieħu d-deċiżjonijiet sabiex tgħin fl-ippjanar għan-nefqa, il-proċessi ta’ procurement, u l-proċess tal-ordnijiet. L-MDIA allokat €300,000 għal dan il-proġett.

Fil-qasam tat-turiżmu se jinħolqu personas ta’ turisti skont karatteristiċi psikoloġiċi, bħal x’interessi għandhom u x’tip ta’ ħajja jgħixu, flimkien ma’ data demografika. B’hekk, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) tkun tista’ tifhem aħjar ix-xejriet u l-prospetti fis-settur tat-turiżmu. Dan il-proġett se jgawdi minn €800,000 f’assistenza finanzjarja mill-MDIA.

Il-Ministru Silvio Schembri rringrazzja lill-MDIA għax-xogħol tagħha fl-Istrateġija tal-IA nnifisha u anke biex jibdew dawn il-proġetti. Irringrazzja wkoll lill-entitajiet li magħhom se jkunu qed jinħadmu dawn il-proġetti.

“Dan huwa biss il-bidu. Fix-xhur u s-snin li ġejjin l-Intelliġenza Artifiċjali se tkun qed tintuża dejjem aktar fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, u pajjiżna għandu jkun benniena minn fejn dawn l-ideat jiġu żviluppati”, qal il-Ministru Silvio Schembri.

Ekonomija

Sport