Il-pressjoni kbira li qed isibu l-employers biex jidentifikaw persuni li għandhom il-kwalifiki u l-esperjenza meħtieġa biex iwettqu xogħolhom b’mod professjonali u kif mistenni mill-klijenti hija ta’ theddida għall-kontinwità, il-kompetittività u l-futur tan-negozji tagħna.
Pajjiżna jeħtieġ strateġija ċara b’soluzzjonijiet prattiċi u l-istakeholders kollha għandhom jaħdmu id f’id biex jintlaħaq oġġettiv komuni. Il-President tal-Malta Employers Association Joanne Bondin u d-Direttur-Ġenerali tal-istess Assoċjazzjoni, Joseph Farrugia, sostenew dan waqt Stakeholders Seminar organizzat mill-MEA fil-Parlament fil-Belt Valletta.
Dan l-avveniment ġabar flimkien numru ta’ uffiċjali minn entitajiet nazzjonali u stakeholders rilevanti li għandhom rwol dirett jew indirett fis-suq tax-xogħol Malti.
Is-Sinjura Bondin spjegat li l-għan tal-MEA huwa li twassal din il-kwistjoni tantimportanti fuq nett tal-aġenda tad-djalogu soċjali f’pajjiżna. “Nappella lill-mexxejja politiċi, il-korpi kostitwiti – kemm organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem kif ukoll trade unions – entitajiet nazzjonali u regolaturi biex jingħaqdu magħna f’impenn biex niżguraw li pajjiżna jista’ jiżviluppa u jattira l-ħiliet meħtieġa biex insaħħu l-kompetittività tagħna fil-futur”. Dan hu wkoll għaliex dan l-avveniment sar fil-Parlament, l-għola istituzzjoni tal-pajjiż.
Is-Sur Farrugia qal li l-priorità tal-pajjiż għandha tkun li nottimizzaw ir-riżorsa umana disponibbli aktar milli sempliċiment naraw kif se nġibu aktar ħaddiema. “Irridu nsaħħu l-investiment kapitali tagħna biex l-attività ekonomika ġdida ma tkunx neċessarjament teħtieġ aktar riżorsi iżda forsi ħiliet differenti. Hu għalhekk li rridu nikkordinaw l-inizjattivi u l-isforzi tagħna għal dan l-għan”. Id-Direttur-Ġenerali qal li din hi kwistjoni wkoll ta’ valuri, etika u life skills li qed isiru ferm aktar rilevanti fix-xenarju ta’ wara l-pandemija, b’aktar impjegati jagħtu prijorità lill-flessibbiltà fuq l-istabbiltà. “Hu kruċjali li l-istakeholders kollha jaħdmu flimkien biex jidentifikaw l-isfidi ewlenin, joħorġu b’soluzzjonijiet u jaħdmu flimkien biex dawn l-għanijiet jintlaħqu”, temm jgħid is-Sur Farrugia.
Is-Sur Kevin J Borg, Konsulent tal-MEA, ta ħarsa lejn il-fehmiet u r rakkomandazzjonijiet li għamlu l-membri tal-MIA, partikolarment dwar il-bżonn ta’ riforma f’ċertu elementi tas-sistema tal-pensjonijiet, tas-sistema edukattiva, il-bżonn ta’ kisba ta’ ħiliet bażiċi, gwida għall-karrieri u temi simili. Madankollu, dawn ir-riformi jridu ċertu ammont ta’ żmien biex iħallu l-frott u fid-dawl tan-nuqqas kbir ta’ riżorsi, min iħaddem mhux qed ikollu għażla oħra ħlief li jirrikori għall-ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, l-employers qed jappellaw għal titjib u fine-tuning tal-proċeduri marbuta mal-kisba tal-permessi
rispettivi.
Is-Sur Anton Vella, Eżekuttiv tal-MEA appella għal azzjoni tanġibbli wara dawn id-
diskussjonijiet u esprima tama li l-kliem u l-proposti jinbidlu f’azzjoni għall-benefiċċju tas-suq tax-xogħol u l-ekonomija Maltija. “Għandna nkunu kapaċi nagħrfu nwieżnu, nevalwaw u naġixxu, biex inkunu kburin li konna kapaci nibdlu nfasslu u nippjanaw l-progress fil-qasam tax-xogħol flimkien”.
Fil-ftuħ tal-avveniment, l-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati, Dr Anġlu Farrugia qal li t-tema tas-seminar, li jfittex li niżguraw il-ħiliet meħtieġa għall-kompetittività ta’ pajjiżna, huwa kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli ta’ Malta. Huwa appella għal aktar sinerġiji bejn l-istakeholders kollha favur l-iżvilupp tar-riżorsi umani, inkluż b’integrazzjoni ulterjuri tal-ħaddiema barranin li huma komponent essenzjali tas-suq tax-xogħol.