Saturday, October 26, 2024

L-MEP Alex Agius Saliba jitkellem fis-6 edizzjoni tal-Politico Europe Tech Summit

Aqra wkoll

Il-Membru Parlamentari Ewropew (MPE) Alex Agius Saliba tkellem fis-sitt edizzjoni POLITICO tal-Europe Tech Summit dwar il-proposta kontroversjali tal-Kummissjoni Ewropea biex tiġġieled l-abbuż sesswali tat-tfal onlajn.

Is-Summit tat-Teknoloġija jipprovdi opportunità biex jiġu diskussi varjetà ta’ suġġetti diġitali importanti, b’kelliema ta’ livell għoli, inklużi dawk li jfasslu l-politika Ewropea ewlenija, innovaturi tal-industrija, u membri tas-soċjetà ċivili li jipparteċipaw f’diskussjonijiet ewlenin dwar il-futur tat-teknoloġija u l-politika Ewropea.

Waqt is-summit, l-MPE Agius Saliba pparteċipa f’”roundtable” dwar il-Ħarsien tat-Tfal Online. Bħala rapporteur għall-opinjoni tal-Kumitat għas-suq intern u l-protezzjoni tal-konsumatur, huwa ġie mistieden jaqsam il-pożizzjoni u l-għarfien espert tiegħu dwar il-proposta reċenti tal-Kummissjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal onlajn.

Il-proposta tal-Kummissjoni tressqet f’Mejju 2022 bħala parti minn pakkett usa’ dwar id-drittijiet tat-tfal, u minn dakinhar ġibdet ħafna attenzjoni u kritika minn difensuri tal-privatezza dwar l-impatt potenzjali tagħha fuq is-servizzi kriptati u l-inklużjoni ta’ dispożizzjoni li tista’ twassal għal obbligu ta’ skenjar ġeneralizzat. għas-servizzi tal-messaġġi, bil-kritiċi jibżgħu fuq is-sorveljanza tal-massa taċ-ċittadini kollha.

L-MPE Agius Saliba ikkummenta li l-Abbuż Sesswali tat-Tfal huwa reat gravi li jħalli impatti hziena hafna tul il-ħajja tal-vittmi tiegħu. Dawn ir-reati jikkawżaw ħsara fiżika u emozzjonali fit-tul, u li azzjonijiet f’dan il-qasam żgur li huma meħtieġa. Iż-żieda tat-teknoloġija diġitali ffaċilitat it-tixrid tal-materjal tal-abbuż sesswali tat-tfal onlajn, u għamilha aktar faċli għall-predaturi biex iħeġġu u jimmanipulaw it-tfal onlajn.

“Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet hija obbligatorja, u Ħadd ma jiddubita dan! Il-proposta tal-Kummissjoni hija polarizzanti ħafna, u hemm ħafna pożizzjonijiet differenti. Il-mistoqsija hija li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn il-protezzjoni tat-tfal u s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali ta’ ċittadini u utenti li jirrispettaw il-liġi.” ikkummenta l-MEP Agius Saliba wara r-roundtable.

L-MPE Agius Saliba spjega li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għandha punti kontroversjali ħafna dwar il-privatezza, l-isproporzjonalità, u jekk din il-leġiżlazzjoni tkunx ta’ benefiċċju vera għat-tfal jew, għall-kuntrarju, hix se tegħleb lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u b’hekk tnaqqas ir-ritmu tal-investigazzjonijiet. “Bħalissa, kif inhi l-proposta, timplika skennjar u spjunaġġ intrussiv ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni awdjo taċ-ċittadini Ewropej kollha. Dan l-ewwel mhux teknikament possibbli, jew it-tieni proporzjonat għal servizzi ta ‘komunikazzjoni tradizzjonali, li lanqas huma maħsuba biex ixerrdu kontenut viżwali.” qal il-MPE.

“Għandna bżonn miżuri u azzjonijiet effettivi biex niġġieldu dan ir-reat u nipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet tat-tfal kollha onlajn. U sakemm ma nikkunsidrawx approċċ komplut fejn it-tfal huma parti mis-soluzzjoni, it-teknoloġija waħedha mhux se ssolvi l-problema.” qal il-MPE.

Sport