Wednesday, June 11, 2025

L-MEP Daniel Attard jitlob biex titneħħa l-immunità parlamentari tiegħu

… wara li ismu ssemma f’investigazzjoni

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard kiteb lill-President tal-Parlament Ewropew biex titneħħilu l-immunità Parlamentari tiegħu u jagħti stqarrija quddiem l-awtoritajiet Belġjani.

Fuq il-midja soċjali, Attard spjega li f’dawn l-aħħar jiem ġie infurmat mill-amministrazzjoni tal-Parlament Ewropew li ismu ssemma f’investigazzjoni u li saret talba mill-imsemmija awtoritajiet sabiex titneħħa l-immunità parlamentari tiegħu. Huwa qal li din it-talba saret b’rabta mal-preżenza tiegħu waqt logħba futbol bejn Anderlecht u Ferencváros f’Settembru li għadda.

Din l-istedina, qal Dr Attard, waslitu permezz tal-Assistent Parlamentari tiegħu ta’ nazzjonalità Ungeriża, li kien staqsieh jekk xtaqx jakkumpanja lilu u lil ibnu f’dik li kellha tkun okkażjoni privata u informali biex jaraw tim Ungeriż jilgħab fil-Belġju.

Dr Attard qal li meta rċieva l-istedina ma ntqalx lilu li kienet qed toriġina minn xi kumpanija. Wisq anqas kien mgħarraf li kienet f’box tal-istess kumpanija. “Fil-fatt, l-Assistent Parlamentari qalli li ħabib tiegħu kellu biljetti għal din il-logħba u staqsieni jekk nixtieqx nakkumpanja lilu u lil ibnu,” kompla jgħid l-MEP Attard. 

Huwa tenna li “jirriżulta li l-istedina ġiet minn persuna li kienet qed tiġi investigata mill-awtoritajiet Belġjani u li kellha l-intenzjoni li waqt il-logħba tkellimni dwar Huawei. Qabel il-logħba jien ma kelli ebda ħjiel dwar dan u wisq anqas kelli komunikat ma’ din il-persuna.”

“Matul il-logħba tqajjem is-suġġett, u ntlabt laqgħa li saret ġimagħtejn wara fi Strasburgu. Qabel din il-laqgħa tlabt lill-Assistenti tiegħi jaċċertaw li kollox isir b’mod trasparenti u skont ir-regoli tal-Parlament Ewropew, u kien biss wara li ġejt aċċertat b’dan li aċċettajt li ssir.

“Wara din il-laqgħa ma kellix aktar komunikat mal-kumpanija msemmija u ma ħadt l-ebda azzjoni fir-rigward ta’ Huawei jew temi relatati mal-kumpanija,” kompla jgħid Dr Attard.

Tenna li wara l-logħba li attenda għaliha, talab lill-Assistent Parlamentari konċernat biex jiddetermina l-valur tal-biljett tal-logħba u biex jiddikjarah skont ir-regoli tal-Parlament Ewropew. Qal li huwa infurmah u assigurah li l-valur ma kienx jaqbeż €150, li huwa l-limitu stabbilit mir-regoli tal-Parlament Ewropew, u għaldaqstant ma kienx hemm bżonn dikjarazzjoni.

Fid-dawl ta’ dan kollu huwa għamel talba formali biex jidher quddiem l-awtoritajiet kkonċernati sabiex jagħti stqarrija u rendikont tal-fatti f’kuntest ta’ koperazzjoni u trasparenza sħiħa min-naħa tiegħu.

Qal ukoll li kiteb lill-President tal-Parlament Ewropew fejn talab hu stess biex l-immunità parlamentari li jgawdi minnha titneħħa mill-iktar fis, sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jistaqsu u jivverifikaw dak kollu li jkun meħtieġ mingħajr ebda impediment.

Dr Attard żied jgħid li se jkun qed jitkellem mat-tmexxija tal-Grupp tal-S&D dwar kull pass meħtieġ sakemm dan il-proċess, li qal li m’għandu ebda involviment fih, jintemm.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport