Il-Malta FA flimkien mal-Fondazzjoni Richmond tat bidu għal “Being There”, proġett ta’ 12-il xahar immirat biex jippromwovi l-inklużjoni u l-benesseri mentali billi jinvolvu diversi tfal fil-futbol u fuq kollox għall-pjaċir tal-logħba innifisha. Il-proġett huwa wieħed mill-benefiċjarji tal-appoġġ mill-Fondazzjoni UEFA għat-Tfal.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Malta FA Angelo Chetcuti esprima l-impenn tal-Assoċjazzjoni lejn inizjattivi simili li jipprovdu tant valur lill-benefiċjarji tagħhom.
Fi kliemu: “Il-futbol huwa sport li joħloq relazzjonijiet mill-aqwa bejn in-nies; huwa mezz li permezz tiegħu jingħelbu l-ostakli. Huwa għalhekk li hija parti mill-missjoni tal-Assoċjazzjoni li tuża l-logħba bħala għodda biex toħloq il-kundizzjonijiet it-tajba biex in-nies jimpenjaw ruħhom ma’ xulxin. Angelo Chetcuti – Segretarju Ġenerali tal-Malta FA.”
Huwa għalhekk li l-Malta FA taġixxi wkoll permezz ta’ organizzazzjonijiet bħall-Fondazzjoni Richmond, li jistgħu jikkontribwixxu bil-kompetenza tagħhom u bl-aċċess għal dawk fil-bżonn. Chetcuti emfasizza l-ħtieġa li jitrawwem għarfien u fost il-ġenituri u l-kowċis li jittrattaw tfal b’kapaċitajiet differenti.
Stephania Dimech Sant, CEO ta’ Richmond Foundation spjegat li l-proġett se jolqot il-ħajja ta’ madwar 600 persuna. “Anke jekk dan il-proġett jista’ jtejjeb il-ħajja ta’ persuna waħda jew tnejn kien ikun suċċess,” qalet. “Il-proġett se jara 150 kowċ, 200 ġenitur (10 sessjonijiet mal-ġenituri fin-nurseries) u 250 żagħżugħ (16-il sessjoni) imħarrġa u se jinkludi wkoll sessjonijiet tal-futbol mat-tfal fil-kura residenzjali.” Dimech esprimiet l-apprezzament tal-Fondazzjoni Richmond għall-appoġġ li qed jingħata permezz tal-proġett.
Dan huwa t-tieni proġett ippreżentat mill-Malta FA li ntgħażel għall-appoġġ mill- UEFA Foundation for Children. Jikkumplimenta għadd ta’ inizjattivi oħra ta’ orjentazzjoni soċjali li ttieħdu ‘l quddiem mill-Fondazzjoni ‘Inħobb il-Futbol’.
L-eks kowċ tat-Tim Nazzjonali Ray ‘Żażu’ Farrugia u l-plejer ta’ Orlando Pride u t-tim Nazzjonali Malti Haley Bugeja huma ż-żewġ ambaxxaturi li japprovaw il-proġett.
Il-Fondazzjoni Richmond tipprovdi għadd ta’ servizzi biex tiżgura l-benessri mentali billi toffri appoġġ kollu lil kull min jesperjenza problemi ta’ saħħa mentali u lin-nies li jgħixu u jaħdmu magħhom.