Il-Bord Eżekuttiv tal-Malta FA aċċetta r-riżenja ta’ Devis Mangia, li informa lill-Assoċjazzjoni li se jkun qed iċedi l-kariga tiegħu ta’ Head Coach tat-timijiet nazzjonali b’effett immedjat. Fl-ittra tiegħu ta’ riżenja s-Sur Mangia qal li d-deċiżjoni tiegħu ttieħdet fl-aħjar interess tat-team nazzjonali biex jaffaċċja b’mod seren l-isfidi tal-football li għandhom quddiemhom.
Mangia aċċetta li jkompli jikkopera fil-proċess li qed isir mill-organi tal-Assoċjazzjoni fir-rigward tal-aspett ta’ salvagwardja tal-allegazzjonijiet miġjuba kontrih, li jduru madwar allegat konversazzjonijiet mhux xierqa.
Sadanittant, il-Bord Eżekuttiv ġie infurmat li diġà ġie ppreżentat rapport mis-Safeguarding Officer wara investigazzjoni ta’ xahar li rat li jintervista numru ta’ partijiet interessati jew infurmati. Ir-rapport issa se jiġi evalwat mill-Bord ta’ Salvagwardja tal-Assoċjazzjoni, kompost minn professjonisti indipendenti.