Il-Malta Football Association irrikonoxxiet uffiċjalment lill-Malta Premier League (MPL) f’laqgħa tal-Bord Eżekuttiv, li saret it-Tlieta wara nofsinhar fis-Sala taċ-Ċentinarju, f’Ta’ Qali.
L-istatut tal-MPL ġie ppreżentat kif dovut lill-Assoċjazzjoni. Il-Bord tad-Diretturi tal-MPL se jkun magħmul minn chairman u rappreżentant ta’ kull klabb li jikkompeti fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.
It-tragward iwitti t-triq għal diskussjonijiet fi ħdan l-MPL dwar il-professjonalizzazzjoni tal-Kampjonat BOV Premier. F’konformità mal-istrateġija tal-Malta FA, l-għan tal-Assoċjazzjoni huwa li l-Kampjonat Premier isir kompetizzjoni waħedha.
Kowċ tat-Timijiet Nazzjonali – Aġġornament
Waqt il-laqgħa tal-lum, il-president tal-Malta FA Bjorn Vassallo ta aġġornament dwar il-każ li jikkonċerna lil Devis Mangia, il-Head Coach tat-timijiet nazzjonali li tneħħa temporanjament minn dmirijietu minħabba allegazzjonijiet ta’ mġieba mhux korretta.
Is-Sur Vassallo spjega li s-Safeguarding Officer tal-Assoċjazzjoni talab aktar żmien biex ikompli bl-investigazzjonijiet tiegħu dwar il-kwistjoni.
Il-president tal-Malta FA tenna l-impenn sod tal-Assoċjazzjoni li tagħmel dak kollu li jista’ biex tkompli ssegwi l-fatti.
Strateġija tal-Futbol tan-Nisa
F’Settembru twaqqaf kumitat ġdid għall-futbol tan-nisa bil-għan li titfassal strateġija ġdida għall-futbol tan-nisa.
Il-fażi bikrija tal-ippjanar tal-istrateġija se tiffoka fuq riċerka ta’ bażi fil-kampjonati domestiċi segwita mill-identifikazzjoni ta’ punti ta’ azzjoni konkreti u proġetti mmirati lejn l-iżvilupp sostnut u t-tkabbir tal-futbol tan-nisa f’Malta.