Wednesday, July 24, 2024

L-MFPA tagħmel kjarifika li toffri assistenza u gwida lil kull plejer membru

Aqra wkoll

Il-Malta Football Players Association (MFPA) tagħmel referenza għall-kummenti li saru mis-sur Michael Valenzia, President ta’ Birkirkara Football Club, dwar l-għajnuna li l-MFPA tat lil plejer qabel ma’ dan iffirma mal-istess klabb waqt is-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar fil-kuntest ta’ ordni ta’ projbizzjoni imposta mill-FIFA fuq il-klabb matul dak il-perjodu.

Għall-fini ta’ korrettezza, l-MFPA tixtieq tispjega l-fatti dwar x’wassal għal din is-sitwazzjoni għaliex, sfortunatament, ċertu dettalji importanti tħallew barra mis-Sur Valenzia waqt il-programm televiżiv Kampjonat li xxandar ilbieraħ (5 ta’ Frar, 2024) fuq TVM Sport+

L-ewwelnett, il-kumment li l-MFPA taġixxi bħala aġent għall-plejers huwa kompletament skorrett u bla ebda bażi. L-MFPA toffri assistenza u gwida dwar kuntratti lil kull plejer membru li jitlob jew titlob din l-għajnuna li hi parti mill-firxa ta’ servizzi li l-MFPA toffri lill-istess plejers membri. 

Matul il-perjodu msemmi, Birkirkara FC kienu projbiti mill-FIFA milli jirreġistraw plejers ġodda wara li naqsu milli jonoraw l-obbligazzjonijiet kuntrattwali lejn eks plejer tal-istess klabb.

Kif tagħmel dejjem meta ssir talba għall-assistenza minn plejer membru, l-MFPA kienet bagħtet ittra u tliet reminders lil Birkirkara sabiex iħallsu l-pagi u pendenzi oħra lill-plejer konċernat, li kien ilu tliet xhur ma jitħallas, u jerġgħu jintegrawh fl-iskwadra billi kien ġie iżolat tant li għamel iktar minn xahar jitħarreġ waħdu. L-MFPA kienet talbet lill-klabb biex jagħmel investigazzjoni indipendenti dwar allegat inċident li kien jinvolvi lill-istess plejer u l-eks kowċ tal-klabb.

L-appelli tagħna ma ngħatawx widen mill-klabb u sussegwentement infetħet kawża mal-FIFA Dispute Resolution Chamber li, fis-26 ta’ Ottubru, 2023, ikkomunikat id-decizjoni bir-ragunijiet favur il-plejer u ordnat lil Birkirkara FC iħallsu l-ammonti kollha dovuti kif ukoll kumpens talli kisru l-kundizzjonijiet tal-kuntratt migħajr ġustifikazzjoni. Birkirkara FC kienu wkoll infurmati dwar il-projbizzjoni fuq trasferimenti jekk ma jħallsux l-ammonti dovuti fi żmien 45 ġurnata.

L-MFPA tisħaq li klabb ma jistax realistikament jistenna lill-MFPA titlob biex projbizzjoni stabbilita mill-FIFA tidhol fis-seħħ biss wara li l-klabb ikun daħħal ir-reġistrazzjoni ta’ plejer ġdid. Il-fatt li l-MFPA, f’dan l-istess perjodu, assistiet plejer ieħor dwar materji kuntrattwali qabel iffirma ftehim mal-klabb jorbot mal-impenn kontinwu tagħna li nassistu lill-plejers membri kollha – u dan isir mingħajr ħlas mhux kif kien implikat mis-sur Valenzia.

L-MFPA hija obbligata li tgħin u tissalvagwardja l-interessi ta’ kull plejer membru, mingħajr l-ebda distinzjoni – din hija l-qofol tal-missjoni tagħna. Kien għalhekk li assistejna lill-plejer li essenzjalment rebaħ il-każ mal-FIFA Dispute Resolution Chamber f’Ottubru li għadda.

Fil-verità, il-klabb in kwistjoni kellu ħin biżżejjed biex jindirizza s-sitwazzjoni u jevita l-projbizzjoni fuq trasferimenti. Fil-fatt, ġaladarba l-klabb onora d-deċiżjoni tal-FIFA u ħallas lill-plejer, huma setgħu jirreġistraw plejers ġodda. 

Ekonomija

Sport