L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) wissiet kontra entità bl-isem AdmiralCfd li għandha preżenza fuq l-internet f’https://admiralcfd.com.
Din il-websajt qed tuża d-dettalji ta’ kumpanija liċenzjata mill-MFSA, IFH Capital Trader Limited (C63585).
Persuni qarrieqa qed jużaw id-dettalji u l-kontenut tal-websajt ta’ din il-kumpanija ġenwina biex iqarqu lill-pubbliku.
L-MFSA qalet li AdmiralCfd mhix kumpanija rreġistrata f’Malta u lanqas hija awtorizzata biex toffri servizzi finanzjarji f’Malta jew minn Malta.
Barra minn hekk, AdmiralCfd m’għandha l-ebta rabta ma’ IFH Capital Trader Limited.
Għaldaqstant, il-websajt https://admiralcfd.com tidher li hija kopja ta’ dik tal-entità leġittima, u l-pubbliku għandu jevita milli jidħol fi kwalunkwe tranżazzjoni jew interazzjoni ma’ din l-entità falza.
Polar Invest Ltd
L-MFSA ħarġet twissija simili rigward entità oħra li qed topera taħt l-isem Polaris Invest Ltd, li tiddikjara li hija kumpanija ta’ kummerċ u investiment, b’preżenza online f’https://polarisinvestltd.com.
Din l-entità qed tuża b’mod mhux awtorizzat indirizz irreġistrat ta’ kumpanija liċenzjata Maltija, u qed tiddikjara li hija “kumpanija legali rreġistrata f’Malta li tipprovdi s-servizzi ta’ investiment tagħha lil membri madwar id-dinja kollha”.
L-MFSA wissiet li Polaris Invest Ltd mhix kumpanija rreġistrata f’Malta u lanqas ma hija liċenzjata jew awtorizzata b’xi mod mill-MFSA biex tipprovdi servizzi ta’ investiment jew kwalunkwe servizz finanzjarju ieħor li jirrikjedi liċenzja jew awtorizzazzjoni taħt il-liġi Maltija.
Il-pubbliku għalhekk għandu jevita milli jidħol fi tranżazzjonijiet jew relazzjonijiet oħra ma’ din l-entità msemmija.
Twissija
L-MFSA fakkret lill-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji biex ma jidħlux f’xi ftehim finanzjarju qabel jiżguraw li l-entità li magħha qed jagħmlu n-negozju hija awtorizzata mill-MFSA jew minn regolatur ieħor ta’ reputazzjoni tajba.
Lista ta’ entitajiet liċenzjati mill-MFSA tista’ tiġi kkonsultata fuq is-sit uffiċjali tal-Awtorità: https://www.mfsa.mt/financial-services-register/
Kull min hu vittma ta’ scam jew jaħseb li jista’ jkun qed jittratta ma’ entità mhux awtorizzata jew tip ieħor ta’ scam finanzjarju, għandu jieqaf mill-ewwel kwalunkwe tranżazzjoni u jikkuntattja lill-MFSA mal-ewwel suspett fuq: https://www.mfsa.mt/about-us/contact/