Wednesday, December 25, 2024

L-MGA tippreżenta uffiċjalment il-liċenzja lil National Lottery plc

Aqra wkoll

L-Awtorità Maltija tal-Logħob (MGA) ippreżentat uffiċjalment il-liċenzja lil National Lottery plc, li mil-lum saru l-operaturi tal-logħob popolari tal-Lottu, Super 5 u oħrajn.

Il-liċenza hija valida għal 10 snin u tkun soġġetta għar-regolamenti u s-superviżjoni tal-Awtorità. Il-Ftehim ta’ Konċessjoni li sar bejn National Lottery plc u l-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet f’Marzu 2022 jiżgura li l-Lotterija Nazzjonali titħaddem fl-ogħla livell ta’ standards.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri awgura suċċess lil National Lottery plc u rringrazzja lill-Privatisation Unit li mexxew il-proċess kollu, u l-MGA għall-appoġġ professjonali li taw. “Jien ċert li l-operaturi l-ġodda tal-lotterija nazzjonali se jkomplu jżiedu mal-popolarità tal-lottu u Super 5, kif ukoll jintroduċu logħob ieħor, li jkompli jżewwaq il-lista ta’ logħob offrut.”

Il-Ministru saħaq li, “Ir-responsabbiltà tagħna tmur lil hinn minn sempliċi ħruġ ta’ liċenzja fil-qafas regolatorju tagħna. Flimkien nassiguraw li n-National Lottery plc tkompli tippromwovi, tiddisinja u tattwa fil-prattika l-prinċipji ta’ logħob responsabbli, filwaqt li tipproteġi lill-klijenti tagħha. Il-profitt ekonomiku mil-logħob għandu jingħata l-importanza tiegħu, iżda mhux a skapitu tal-ġukaturi.”

Il-Ministru Schembri rringrazzja lil Maltco, li kienu l-operaturi tal-lotteriji Maltin għal kważi 20 sena sħaħ u l-MGA għall-ħidma tagħhom biex tinħareġ il-liċenzja u awgura lil National Lottery plc għall-għaxar snin li ġejjin. Huwa rringrazzja wkoll lir-rappreżentanti legali tal-Privatisation Unit u National Lottery plc tax-xogħol tagħhom.

Min-naħa tiegħu, Carl Brincat, CEO tal-MGA, qal li l-Awtorità hija kunfidenti li l-operaturi se jiddedikaw ir-riżorsi kollha neċessarji biex jinżamm il-livell għoli fit-tħaddim ta’ din il-liċenzja, kif ukoll iħarsu l-interessi tal-klijenti tagħhom u jassiguraw responsabbiltà fil-logħob.

Ekonomija

Sport