Il-Malta Gay Right’s Movement (MGRM) qalet li taċċetta l-apoloġija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna u tinsab sodisfatta li s-sentiment tat-tnejn huwa wieħed komuni.
Fl-istess waqt hija nnotat li Fr Muscat ilu għal dawn l-aħħar snin iweġġa’ lill-biċċa l-kbira tal-minoranzi, inkluż l-immigranti, permezz ta’ posts regolari li kien jagħmel fuq il-midja soċjali u kwalunkwe opportunità oħra biex fi kliemhom ixxerred diskors ta’ mibgħeda.
F’dan l-isfond l-MGRM qalet li issa huwa importanti li tittieħed azzjoni konkreta u li dan japplika mhux biss għall-knisja iżda wkoll għall-pulizija.
L-MGRM uriet ix-xewqa li jiltaqgħu mal-Arċisqof biex ikollhom l-opportunità jiddiskutu d-diversi modi ta’ kif il-Knisja Kattolika f’Malta tista’ tibqa’ fidila lejn it-twemmin tagħha mingħajr ma tbiegħed, jew agħar minn hekk, tweġġa’ lill-komunità LGBTIQ f’Malta.