L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) qalet fi stqarrija li hija favur is-sejħiet li qed isiru mill-istakeholders tal-ivvjaġġar u t-turiżmu sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet li fadal fil-qasam tal-ivvjaġġar.
Filwaqt li rrikonoxxiet l-isforzi kollha li qed isiru min-naħa tal-awtoritajiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-immaniġġjar tal-pandemija, qalet li r-rilaxx fil-protokolli tal-COVID-19 li daħlu fis-seħħ s’issa għadhom mhumiex biżżejjed sabiex jikkompetu ma’ dak li qed iseħħ fi swieq turistiċi oħra.
Fil-kummenti tiegħu, il-President tal-MHRA Tony Zahra saħaq li matul dawn l-aħħar ġimgħat rajna titjib ekonomiku u issa wasal iż-żmien li jitneħħew restrizzjonijiet li m’għadhomx effettivi u li n-nies jitħallew jivvjaġġaw b’mod iżjed liberu.
L-MHRA tenniet ukoll li t-turisti qed ifittxu destinazzjonijiet siguri imma li fl-istess ħin ma tantx għandhom restrizzjonijiet. Għalhekk, minkejja li bħalissa Malta hija pajjiż sigur hekk kiif ingħataw it-tilqimiet neċessarji, Malta xorta hija kkunsidrata bħala pajjiż reżistenti minn għadd ta’ turisti. Minkejja ll bħalissa l-prospetti fis-settur turistiku għall-istaġun li jmiss jidhru pjuttost tajbin, is-sitwazzjoni preżenti qed tkompli tħalli impatt negattiv fuq l-irkupru ekonomiku.
Is-Sur Zahra tenna jgħid li “l-gwerra fl-Ukrajna ħolqot sitwazzjoni fejn pajjiżi bħal Ċipru u t-Turkija li jiddependu ħafna fuq it-turisti Russi u Ukreni se jkunu qed jaħdmu kemm jifilħu sabiex ibigħu l-prodotti tagħhom f’pajjiżi oħra li l-parti l-kbira tagħhom huma wkoll swieq tagħna. Għalhekk aħna se jkollna kompetizzjoni b’saħħitha f’dawn is-swieq, u sabiex inkunu kapaċi nikkompetu huwa importanti ferm li r-restrizzjonijiet jitneħħew b’mod immedjat.”