L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) faħħret lill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta għall-ħidma ta’ infurzar li wettqet f’diversi żoni ta’ divertiment, b’mod partikolari f’Paceville u San Ġilajn, fejn ħames ħwienet instabu li kienu qed ibigħu illegalment xorb alkoħoliku wara d-9.00 p.m, u ristorant kien ordnat jagħlaq minħabba li kien qed jopera mingħajr persuna responsabbli fuq il-post, kif mitlub mil-liġi.
L-MHRA qalet li tappoġġja bis-sħiħ il-kontinwazzjoni ta’ tali miżuri ta’ infurzar madwar iż-żoni turistiċi filwaqt li laqgħet ukoll l-inizjattivi li qed jittieħdu kontra parties illegali taħt l-art, traffikar ta’ droga, mużika għolja u l-ksur ta’ paċi pubblika fost l-oħrajn. Innutat li mġiba bħal din tnaqqar mill-kwalità u l-karattru li joffri pajjiżna u b’hekk anke mill-esperjenza li jingħata l-viżitatur li jagħżel lil Malta bħala d-destinazzjoni tiegħu.
Fl-aħħar nett, l-MHRA ħeġġet lill-awtoritajiet konċernati sabiex ikomplu jagħtu l-għodod meħtieġa lill-forzi tal-ordni biex pajjiżna jibqa’ jkun sigur u destinazzjoni attraenti għal kulħadd.