L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) sostniet li l-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna qed tirkupra tajjeb, iżda li l-innovazzjoni hija essenzjali għal ġejjieni sosatenibbli.
L-Assoċjazzjoni stqarret dan waqt li ppreżentat l-MHRA BOV Deloitte Hotels Performance Review għall-ewwel u t-tieni kwart tal-2022.
Il-President tal-Assoċjazzjoni, Tony Zahra ddikjara li l-irkupru ekonomiku għas-settur tal-ospitalità fi żmien ta’ pandemija tal-Covid issa qed jikseb momentum iżda hemm sfidi oħra li qed jitfaċċaw, fost l-oħrajn dawk relatati mat-tibdil fil-klima, il-gwerra, l-inflazzjoni globali u n-nuqqas ta’ ħaddiema mħarrġa.
Is-Sur Zahra rrefera speċifikament għall-konnettività u l-isfidi li l-industrija tal-avjazzjoni qed tiffaċċja bħalissa, partikularment il-kaos fl-ajruporti kollha u l-inkapaċità tal-industrija tal-linji tal-ajru li żżid l-għadd u l-livelli ta’ ħaddiema biex tissodisfa d-domanda qawwija f’dan is-settur.
Il-President tal-MHRA żied jgħid li fil-mixja ‘l quddiem se nkunu qed niffaċċjaw taxxi kbar minħabba l-insistenza tal-Unjoni Ewropea li tnaqqas il-fjuwils fossili billi titlob taxxi kbar fuq il-fjuwil li Malta, minħabba l-post periferali tagħha jista’ jfisser 60 ewro iżjed f’taxxa tal-passiġġieri.
Tony Zahra rrimarka li għalhekk trid issir ħidma flimkien lejn industrija tat-turiżmu, vjaġġar u ospitalità sostenibbli u dan irid jitwettaq permezz tal-innovazzjoni.