Saturday, December 21, 2024

L-MHRA tisħaq li ċertifikat ta’ vaċċinazzjoni m’għandux ikun l-uniku rekwiżit għal vjaġġar

Aqra wkoll

Filwaqt li ċertifikat tal-vaċċin kontra l-Covid-19 se nissel fiduċja fin-nies biex tivvjaġġa, tali ċertifikat m’għandux ikun l-uniku kriterju li jippermetti jekk persuna titħalliex tivvjaġġa jew le. Dan qalitu l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristornati (MHRA) fi stqarrija llum.

Malta hija favur l-ħruġ ta’ ċertifikat għall-vaċċinazzjoni għal dawk kollha li jitlaqqmu kontra l-Covid-19, bil-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne jħeġġeġ lill-kollegi Ewropej biex tittieħed deċiżjoni dwar din il-kwistjoni.

L-MHRA qalet li s-sitwazzjoni tal-vaċċinazzjoni kontra l-Covid-19 f’pajjiżna hija li dawk il-persuni vulnerabbli u li għandhom ’il fuq minn 65 sena se jkunu qed jitlaqqmu sa Mejju li ġej. Madankollu pajjiżi barranin se jkunu qed jirrikjedu ħafna aktar żmien. L-Assoċjazzjoni żiedet tgħid li jekk ċertifikat ta’ vaċċinazzjoni jkun l-uniku kriterju għal permess għal vjaġġar, allura aktarx li vjaġġar tul ix-xhur tas-sajf se jkun riservat għal dan il-grupp biss.

L-MHRA saħqet li ċ-ċertifikat ta’ vaċċinazzjoni m’għandux jieħu post test negattiv għall-Covid-19, bil-kriterji għal vjaġġar għandhom ikunu jew test negattiv jew ċertifikat ta’ vaċċinazzjoni.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra tenna li l-pandemija tal-Covid-19 kellha effett devastanti fuq l-industrija tat-turiżmu, “anke aktar minn tsunami”.

Fl-istess waqt qal li kollegi Ewropej fis-settur tal-ospitalità kienu impressjonati bil-mod kif Malta ffaċċjat il-pandemija u kien hemm kunsens ġenerali li pajjiżna għandu jittieħed bħala eżempju.

Ekonomija

Sport