Friday, December 20, 2024

L-MIA bi tnaqqis ta’ 62 fil-mija fil-passiġġieri għal Jannar meta mqabbel mal-2020

Aqra wkoll

JANNAR 2022 IMQABBEL MAS-SNIN PREĊEDENTI

In-numru ta’ passiġġeri li għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’Jannar li għadda żdied b’erba’ darbiet fuq l-istess xahar fis-sena 2021. Madankollu, in-numru ta’ passiġġieri għax-xahar li għadda baqa’ 62% taħt il-livelli milħuqin qabel il-pandemija (2020), partikolarment hekk kif l-effett tar-restrizzjonijiet li ġew introdotti fl-Ewropa lejn tmiem is-sena li għaddiet kompla jinħass fl-2022.

Is-seat load factor (SLF) għal Jannar kien ta’ 55.7%, li jindika li ftit aktar minn nofs il-postijiet disponibbli fuq titjiriet operati mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kienu okkupati matul ix-xahar.

L-AĦJAR SWIEQ

It-titjiriet li ġew operati matul Jannar li għadda ġarrew total ta’ 159,357 passiġġier, bl-aktar swieq popolari għax-xahar ikunu l-Italja, ir-Renju Unit, il-Polonja, il-Ġermanja u Franza. Minn fost din il-lista, is-suq Franċiż kellu l-aktar rata ta’ rkupru b’saħħitha meta mqabbel mas-sena 2020. Is-suq Pollakk, min-naħa l-oħra, kien l-uniku suq minn dawn il-ħamsa li rreġistra tkabbir meta mqabbel mas-sena 2020.

Fiwaqt li s-suq Pollakk kemm-il darba deher fost l-aktar swieq popolari tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mill-2018 ’l hawn, din kienet l-ewwel darba li l-prestazzjoni ta’ dan is-suq sebqet lir-riżultati miksubin mill-Ġermanja u Franza, biex b’hekk spiċċa fit-tielet post. Il-prestazzjoni eċċellenti tal-Polonja rriżultat mill-operazzjoni tar-rotta Warsaw-Modlin f’Jannar, kif ukoll minn seat load factors b’saħħithom irreġistrati fuq is-seba’ rotot Pollakki li jiġu operati minn Malta.

Qabel l-2019, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta flimkien mal-awtoritajiet lokali għat-turiżmu kienu għamlu sforzi strateġiċi sabiex jistimolaw lis-suq Pollakk ikompli jikber, hekk kif swieq akbar u aktar stabbiliti, bħar-Renju Unit u l-Italja, kienu waslu sabiex jimmaturaw.

ĦARSA ’L QUDDIEM

Il-bqija tal-ewwel kwart tal-2022 huwa mistenni jkun wieħed diffiċli. Madankollu, il-fatt li ċerti swieq importanti għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta reċentement irrilassaw ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar flimkieb mad-dħul fis-seħħ tar-reġim il-ġdid tal-ivvjaġġar ġewwa l-UE/ŻEE, jawguraw tajjeb għall-irkupru tal-ivvjaġġar bl-ajru.

Fi stqarrija maħruġa b’mod konġunt minn Airports Council International (ACI) u l-International Air Transport Association (IATA) fl-1 ta’ Frar 2022, iż-żewġ organizzazzjonijiet appellaw lill-gvernijiet ta’ ħames pajjiżi, fosthom Malta, sabiex jabbandunaw restrizzjonijiet mhux meħtieġa u li jagħmlu ħsara, u jallinjaw ir-restrizzjonijiet nazzjonali mal-qafas komuni tal-UE.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jixtieq jingħaqad ma’ dawn l-organizzazzjonijiet billi jtenni l-appell tiegħu għal regoli li jiffaċilitaw l-ivvjaġġar u li jqiegħdu lil Malta fuq l-istess livell ta’ destinazzjonijiet Mediterranji oħrajn, speċjalment issa li qiegħed joqrob l-istaġun tas-sajf.

Ekonomija

Sport