Saturday, December 21, 2024

L-MPE Alex Agius Saliba jikseb appoġġ sabiex jilħaq President Konġunt tal-Intergroup fuq is-Saħħa Mentali

Aqra wkoll

L-MPE Laburista Alex Agius Saliba kiseb l-appoġġ ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali sabiex iservi fir-rwol ta’ President Konġunt tal-Intergroup fuq is-Saħħa Mentali li qed jiġi propost għall-ewwel darba fil-Parlament Ewropew.  Flimkien ma’ MPEs minn gruppi politiċi differenti, Alex Agius Saliba talab lill-Parlament Ewropew sabiex jitwaqqaf Intergroup fuq is-Saħħa Mentali. 

L-intergroup jgħin sabiex jitkattar l-iskambju tal-opinjonijiet bejn il-gruppi politiċi differenti fil-Parlament Ewropew dwar policies relatati mas-saħħa mentali.  It-twaqqif tal-Intergroup jgħin sabiex iħaffef it-tnedija ta’ leġislazzjoni f’dan il-qasam u fl-iżvilupp ta’ policies iżjed robusti applikabbli madwar l-Unjoni f’kull aspett relatat mas-saħħa mentali.

Agius Saliba ilu jsejjaħ għat-twaqqif ta’ dan l-Intergroup sa mil-leġislatura li għaddiet u żied il-ħidma tiegħu f’dan ir-rigward matul din il-leġislatura.  L-MPE Laburista jemmen fis-sħiħ fil-ħtieġa li nsaħħu l-isforzi u r-riżorsi ddedikati sabiex nindukraw is-saħħa mentali u jqis dawn l-isforzi relatati direttament mal-kampanja tiegħu dwar ir-Right to Disconnect. 

Fl-intervent tiegħu fil-Parlament Ewropew, Agius Saliba stqarr li l-leġislazzjoni għat-tħaddin tar-Right to Disconnect jgħin sabiex jinħoloq bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li jgħin bil-bosta sabiex nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħna. 

L-MPE Laburista kkummenta l-appoġġ li kiseb għal din l-inizjattiva.  “Nirringrazzja lill-kollegi tiegħi għall-fiduċja li wrew fija.  Dan is-suġġett huwa viċin ħafna għal qalbi għaliex is-saħħa mentali hija ħtieġa bażika fundamentali sabiex niżguraw kwalità tal-għixien xierqa għall-ħaddiema tagħna”

“Ir-right to disconnect se jservi ta’ bażi solida sabiex nagħmlu iktar progress f’dan il-qasam b’titjib fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u billi tiżgura li miżuri oħra bħal ħinijiet massimi ta’ xogħol u ħlas xieraq għax-xogħol imwettaq jiġu rispettati.  Irridu nkomplu nibnu fuq dawn il-kisbiet u niżviluppaw iżjed policies u leġislazzjoni fuq livell Ewropew li jipproteġu s-saħħa tal-ħaddiema tagħna.”

Agius Saliba spjega li, jekk jitwaqqaf, l-Intergroup jaħdem fost oħrajn sabiex jiġu stabbiliti policies li jtejbu l-inklużjoni ta’ individwi bi problemi ta’ saħħa mentali, rikonoxximent tal-parità bejn is-saħħa mentali u s-saħħa fiżika u l-ħolqien ta’ sistemi għall-ħarsien u rkupru tas-saħħa mentali żviluppati madwar il-komunità.

Dawn l-għanijiet jistgħu jiġu attwati b’diversi miżuri bħal amendi fid-Direttiva dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u l-allokazzjoni ta’ fondi fil-budget tal-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp ta’ s-sistemi ta’ għajnuna meħtieġa.

L-MPE Laburista sejjaħ għal kunsens bejn il-gruppi politiċi għall-ħolqien tal-Intergroup.  “Nawgura li l-MPE mill-gruppi politiċi kollha japprezzaw il-ħtieġa urġenti li nwaqqfu l-ewwel Intergroup fuq is-Saħħa Mentali.  L-urġenza li nindirizzaw dan is-suġġett hija ikbar minn qatt qabel, mhux l-inqas fid-dawl tal-isfidi u l-vulnerabilitajiet ikkawżati miż-żieda fl-inċertezza li nħolqot f’dawn l-aħħar snin.”

Ekonomija

Sport