Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba talab lill-Kummissarju responsabbli mis-suq intern, Michael McGrath jieħu azzjoni kontra l-qrati ċivili Awstrijatiċi, dwar il-mod kif qed tikser il-liġi Ewropea fil-konfront ta’ diversi kumpaniji tal-gaming reġistrati f’Malta.
Dan wara li numru ta’ kumpaniji tal-logħob li huma liċenzjati mill-Awtorita’ Maltija tal-Logħob, esprimew tħassib serju fil-mod kif qed jittieħdu deċiżjonijiet legali mill-qrati ċivili tal-Awstrija. Diversi kumpaniji tal-logħob preżentaw sensiela ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Qorti Suprema Awstrijaka u l-Qorti Distrettwali ta’ Salzburg li jestendu l-ġurisdizzjoni lil’hinn mill-fruntieri territorjali tal-Awstrija.
Partikolarment, qed jiġu infurzati sentenzi favur players Awstrijatiċi kontra assi li jinsabu f’Malta, li huma miżmuma minn kumpaniji liċenzjati mill-Awtorita’ Maltija tal-Logħob u entitajiet terzi li jaġixxu f’isimhom. Din il-prattika tevita l-proċeduri t’infurzar stabbilit taħt il-liġi Ewropea u tnaqqar il-prinċipju tat-territorjalita’ fil-liġi internazzjonali.
Każ ieħor separat jitratta deċiżjoni oħra tal-Qorti Suprema Awstrijaka fejn iddikjarat lill-Qorti Distrettwali ta’ Salzburg bħala l-Awtorita’ kompetenti biex tinforza sentenza li tesiġi kumpanija tal-logħob liċenzjata f’Malta tħallas lura telf minn logħob tal-azzard li ġarrab player Awstrijak. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Awtoritajiet ġudizzjarji tal-Awstrija fuq entita’ rregolata f’Malta qajjmu mistoqsijiet serji dwar is-sovranita’ ġurisdizzjonali. Agħar minn hekk, ċaħdu d-dritt lill-entitajiet Maltin li jwieġbu u jsemmgħu leħinhom filwaqt li eskludewhom kompletament mill-proċess ġudizzjarju.
L-MPE Alex Agius Saliba sostna “li din il-prattika hija inaċċettabli u tixhed indħil serju fis-sovranita’ ta’ Malta filwaqt li jikkompremettu l-integrita’ tal-qafas regolatorju tagħha. Dan filwaqt li tiġi mnaqqra l-fiduċja fl-istituzzjonijet Awstrijatiċi li qed toħloq preċedent perikoluż fil-mod kif jitħaddem l-infurzar fl-Unjoni.”
Agius Saliba appella lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu passi, tinvestiga din il-kwistjoni u tikkjarifika jekk dawn il-prattiċi t’infurzar mill-Awstrija humiex kompatibbli mal-liġijiet Ewropej. “B’hekk biss nistgħu noffru serħan il-moħħ lil dawn il-kumpaniji milquta u soluzzjonijiet biex nissalvagwardjaw l-industrija tal-gaming f’Malta,” temm jgħid Agius Saliba.