Thursday, March 13, 2025

L-MPE Alex Agius Saliba mill-ġdid maħtur Viċi President tal-Intergrupp tal-kaċċa fil-Parlament Ewropew

Aqra wkoll

“Huwa ta’ unur u ta’ sodisfazzjon li għal darb’oħra ġejt fdat biex f’din il-leġiżlatura nservi bħala Viċi President tal-Intergrupp responsabbli mill-kaċċa u l-bijodiversita’ fil-Parlament Ewropew. Ħatra li tirrifletti kemm pajjiżna kellu vuċi soda fuq livell Ewropew li tipproteġi d-delizzju tal-kaċċa li hu parti integrali mill-kultura u t-tradizzjoni ta’ pajjiżna.”

Hekk sostna l-MPE Agius Saliba fl-ewwel reazzjoni li ta, filwaqt li spjega kif fl-aħħar terminu li fih kien jokkupa l-istess irwol, ġew implimentati numru ta’ kisbiet tant li l-Parlament Ewropew qabel dwar projbizzjoni ġdida fuq l-użu ta’ tir taċ-ċomb f’100 metru, reviżjoni tar-regolamenti tal-UE dwar l-armi tan-nar, bidliet fil-policies tal-farms fl-Ewropa u firxa wiesgħa t’inizjattivi ambjentali oħra marbuta mal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

L-Intergrupp tal-Kaċċa tal-Parlament Ewropew twaqqaf fl-1985 u huwa wieħed mill-aktar intergruppi attivi. Fl-aħħar leġiżlatura, dan l-Intergrupp ġabar fih 140 Membru Parlamentari Ewropew. L-Assoċjazzjoni Ewropea FACE tlaqqa’ madwar 7 miljun dilettanti minn madwar 37 pajjiż. Din l-assoċjazzjoni hija l-akbar organizzazzjoni li tirrappreżenta lill-kaċċaturi u n-nassaba fid-dinja.

Agius Saliba radd ħajr lill-Federazzjoni Maltija Nassaba u Konservazzjonisti, l-FKNK u qal li se jkompli jkun leħen sod għad-dilettanti tal-kaċċa u l-insib f’pajjiżna.

“B’dan l-irwol se nassigura li mhux biss inkunu preparati imma wkoll li nikkonvinċu b’mod aktar b’saħħtu fuq livell Ewropew sabiex fl-aħħar mill-aħħar nipproteġu d-delizzju ta’ eluf ta’ kaċċaturi u nassaba Maltin u Għawdxin”, temm jgħid il-MPE Alex Agius Saliba.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport