L-MPE Daniel Attard ippreżenta r-rapport tiegħu dwar it-turiżmu sostenibbli fil-Parlament Ewropew, li ntlaqa’ tajjeb ħafna mill-gruppi politiċi kollha u mill-Kummissjoni Ewropea – turija ċara li l-prijoritajiet ta’ Malta qed jinstemgħu fi Brussell.
Ir-rapport jindirizza b’mod dirett l-isfidi u l-opportunitajiet li jiffaċċjaw il-pajjiżi u r-reġjuni insulari, fosthom Malta, partikolarment f’oqsma bħall-konnettività, il-kwalità tat-turiżmu, il-ħarsien tal-komunitajiet lokali u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Konnettività għall-gżejjer: prijorità li ma tistax tiġi injorata
Attard saħaq li għall-pajjiżi insulari, il-konnettività mhijiex kumdità iżda kundizzjoni bażika biex l-ekonomija tibqa’ tiffunzjona. Ir-rapport jisħaq fuq:
– aktar flessibbiltà fir-regoli li jaffettwaw il-linji nazzjonali tal-ajru;
– investiment akbar fit-trasport nadif u f’servizzi marittimi essenzjali;
– protezzjoni kontra dipendenza eċċessiva fuq linji tal-ajru privati;
– u titjib fil-konnettività għall-Maltin u għat-turiżmu li fuqu tiddependi l-ekonomija.
Turiżmu bilanċjat li jirrispetta l-ambjent u l-komunitajiet
Ir-rapport jenfasizza li t-tkabbir turistiku għandu jkun kompatibbli mal-kwalità tal-ħajja, speċjalment f’pajjiżi u bliet żgħar. Għaldaqstant jinkludi proposti għal:
– regoli aktar ċari u effettivi fuq il-kirjiet għall-perjodi qosra;
– pjanar intelliġenti biex jiġu evitati pressjonijiet żejda fuq iż-żoni l-aktar popolati;
– u projbizzjoni tal-użu tal-plastics fl-industrija tat-turiżmu
Ħaddiema: taħriġ, ħiliet u kundizzjonijiet aħjar
Ir-rapport tal-Ewroparlamentari Laburista jiffoka wkoll fuq il-ħaddiema fis-settur turistiku, li fuq livell Ewropew spiss ibatu minn nuqqas ta’ taħriġ u pressjonijiet fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Fir-rapport tiegħu, Daniel Attard jipproponi:
– Strateġija Ewropea għall-‘upskilling’ u ‘reskilling’;
– Tourism Skills Card Ewropea biex tiġi rikonoxxuta l-esperjenza, tiffaċilita l-mobilità, u tipproteġi l-kundizzjonijiet tax-xogħol;
– u aktar investiment fit-taħriġ permezz tal-programmi Ewropej.
Rikonoxximent tal-voluntiera u l-wirt kulturali
Il-voluntiera li jaħdmu biex iżommu ħaj il-wirt kulturali ta’ Malta u tal-Ewropa huma ċentrali fir-rapport tal-MPE Attard. Huwa jressaq proposti għal:
– qafas Ewropew ta’ rikonoxximent u appoġġ għall-voluntiera kulturali;
– fond Ewropew għall-wirt intanġibbli,
– u appoġġ għal inizjattivi komunitarji u tradizzjonijiet lokali.
Daniel Attard tenna li r-rapport jippreżenta viżjoni Ewropea konkreta għal turiżmu aktar sostenibbli, imsejsa fuq ir-realtà ta’ pajjiżi żgħar u insulari bħal Malta.
“Dan ir-rapport huwa mibni fuq ir-realtijiet diversi tal-ibliet, il-pajjiżi, u l-ġnus Ewropej li jagħtuna l-identità unika tagħna. Ilkoll differenti iżda ilkoll bi sfidi komuni li jirrikjedu soluzzjonijiet komuni bil-għan li jkollna bilanċ bejn it-turiżmu u l-komunità, bejn l-iżvilupp ekonomiku u l-kwalità tal-ħajja.
Ir-rapport issa jgħaddi għall-passi li jmiss fil-Parlament Ewropew, u għandu jikkontribwixxi għall-istrateġija Ewropea għat-turiżmu sostenibbli li se tippubblika l-Kummissjoni Ewropea lejn nofs is-sena d-dieħla.


