Friday, December 12, 2025

L-MPE Thomas Bajada strumentali għall-pubblikazzjoni tar-rapport ‘Beyond GDP’: “A Concrete Step Towards an Economy of Wellbeing”

Aqra wkoll

L-MPE Thomas Bajada kien strumentali fil-pubblikazzjoni ta’ rapport ġdid, “Beyond GDP: Towards Broader Measures of Human Progress,” ippreparat mill-Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, mill-akkademiku fi ħdan l-Università ta’ Malta, Dr Jonathan Spiteri u l-Professur Peter Birch Sørensen mill-Università ta’ Copenhagen.

Filwaqt li ddeskriva dan ir-rapport bħala “pass storiku u konkret ‘il quddiem għat-tfassil ta’ politika bbażata fuq il-benesseri, Bajada qal li r-rapport huwa rifless fil-missjoni politika tiegħu sa mill-ewwel jum: li l-ħidma Ewropea tinbidel minn waħda bbażata fuq ekonomija biss, għal waħda li tħares lejn il-benesseri ta’ niesha.

Il-Prodott Gross Domestiku ma rriflettix ħajjet in-nies fl-intier tagħha. Dan ir-rapport tana l-għodda li nirriflettu dwar il-veru definizzjoni ta’ progress: mhux kemm nipproduċu, iżda l-kwalità ta’ ħajja li ngħixu.

“Is-saħħa, is-saħħa mentali, il-kwalità tal-ambjent, u d-dinjità jridu jkunu ċentrali fil-mudell ekonomiku tagħna”, stqarr Bajada.

Ir-rapport jipprovdi analiżi ddettqljata ta’ indikaturi alternattivi u li jikkumplimentaw il-GDP, filwaqt li tiffoka fuq id-dinamika oġġettiva u suġġettiva tal-benesseri, is-sostenibilità ambjentali u l-ugwaljanza interġenerazzjonali.

Dawn l-objettivi huma ċentrali fil-Malta Vision 2050 li qed jiżviluppa l-Gvern Malti, u jmorru id f’id mal-politika mħaddna minn Bajada, għall-mudell fejn il-benesseri jibqgħu fuq quddiem tat-tfassil tad-deċiżjonijiet fuq livell Ewropew, kif ukoll mal-inizjattiva personali li ħa Bajada permezz ta’ studju kwantitattiv u kwalitattiv f’pajjiżna, “Economy of Wellbeing – Bridging the Gap”.

Bajada saħaq li dak li ħareġ minn dan l-istudju, jiftaħ bieb lill-Unjoni Ewropea, sabiex tbiddel il-mod ta’ kif il-progress huwa mkejjel u ta’ kif jitfasslu l-prijoritajiet politiċi: “Jekk l-Ewropa trid tibqa’ soċjalment ġusta, kompetittiva, u reżiljenti, u rridu nkejlu din x’verament ifisser għan-nies.”

Din il-pubblikazzjoni hija pass konkret, imma l-ħidma veru tibda issa. Se nkompli nisħaq sabiex l-Economy of Wellbeing tkun ta’ pilastru fl-aġenda leġiżlattiva tagħna.

Huwa saħaq dwar l-impenn tiegħu sabiex javvanza politika f’Malta, bil-Malta Vision 2050 tal-Gvern Malti, u l-UE, li tinsisti fuq indikaturi ekonomiċi tradizzjonali, li jridu jiġu kkumplimentati minn miżuri li jħaddnu s-saħħa mentali, il-protezzjoni ambjentali, l-istabbilità soċjali, u l-kwalità tal-ħajja.

“Il-komunitajiet jixraqilhom Ewropa li tarahom, tismagħhom, u tkejjel is-suċċess abbażi tar-realtajiet li jgħixu. Dan ir-rapport isaħħaħ dak li nisħqu fuqu, u se nibqa’ naħdem bla waqfien sabiex din il-viżjoni ssir realtà, kemm f’Malta, kif ukoll fl-Ewropa.”

Din il-publikazzjoni, Beyond GDP, huwa mistenni jikkontrobwixxi bis-sħiħ fid-diskussjonijiet fi ħdan il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, il-EUROSTAT u l-Istati Membri, fuq il-futur tal-governanza ekonomika, is-sostenibilità u politika mfassla fuq il-benesseri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport