Monday, December 8, 2025

L-MTA tagħti l-‘Quality Assured Seal’ lir-Rotunda tal-Mosta 

… bħala attrazzjoni turistika għas-servizz eċċellenti li jingħata

Aqra wkoll

Bħala attrazzjoni turistika, ir-Rotunda tal-Mosta hija kburija li rċeviet il-‘Quality Assured Seal’ mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA). Rikonoxximent prestiġjuż li jikkonferma l-impenn kontinwu tagħha biex toffri esperjenza ta’ livell għoli lil kull viżitatur.

Fid-diskors tiegħu waqt iċ-ċerimonja, il-Kap Eżekuttiv tal-Mosta Rotunda Foundation, is-Sur Giovanni Chetcuti, enfasizza kif dan il-premju mhux biss jiġbor il-frott ta’ snin ta’ ħidma dedikata, iżda jkompli jsaħħaħ il-mira tal-Fondazzjoni li tħares dan it-teżor nazzjonali u tagħmlu aktar aċċessibbli għall-komunità u għat-turisti. Il-premju jservi bħala motivazzjoni biex tkompli t-triq lejn aktar eċċellenza u mhux se jibdel xejn mill-għan prinċipali tar-Rotunda tal-Mosta li tkun post fejn il-komunità tinġabar biex titlob u tiċċelebra.

Matul dawn l-aħħar snin ta’ ħidma bla waqfien, l-ewwel bħala Parroċċa u iktar tard bħala Fondazzjoni, saru numru ta’ proġetti biex titjieb l-esperjenza fil-Bażilika fosthom rotta madwar il-Bażilika, il-ftuħ tal-gallarija tal-koppla u tax-xelter tat-Tieni Gwerra Dinjija għall-viżitaturi, filmati edukattivi u audio guide b’diversi lingwi, u t-tkabbir tal-inizjattiva ‘Dar Mustija’ ġewwa The Dome Visitors Centre.

Il-Fondazzjoni torganizza wkoll inizjattivi kulturali matul is-sena kollha, fosthom il-wirja tal-Aħħar Ċena fil-Ġimgħa l-Kbira, l-attività Maltese Christmas Traditions around the Rotunda u kunċerti speċjali tal-Milied.

Chetcuti tenna li dan kollu sar grazzi għall-ħidma bla kundizzjoni tal-voluntiera u l-ħaddiema, li bil-passjoni u d-dedikazzjoni tagħhom qed iżommu ħaj dan it-teżor nazzjonali.

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni, ir-Reverendu Arċipriet Sebastian Caruana, kompla billi żied li huwa kuntent ħafna b’dan il-premju u rringrazzja lil dawk li taw sehemhom biex dan iċ-ċertifikat ta’ eċċellenza seta’ jiġi miksub. Dan juri biċ-ċar l-impenn kontinwu u ħaj tal-Fondazzjoni biex ixxerred il-wirt storiku u kulturali ta’ din l-ikona nazzjonali, kemm fost it-turist, kif ukoll qalb il-komunità u fl-istess ħin tressaq lill-pubbliku lejn il-Bażilika.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, is-Sur Carlo Micallef, li huwa Mosti ukoll, kien kburi li seta’ jippreżenta dan iċ-ċertifikat ta’ eċċellenza lill-Fondazzjoni tal-Mosta Rotunda. Huwa kkummenta fuq l-impenn tal-Fondazzjoni biex dejjem toffri servizz professjonali u ta’ kwalita’ għolja f’din l-attrazzjoni turistika nazzjonali.

L-għotja ta’ dan il-premju nkludiet ukoll il-parteċipazzjoni tas-soprana Valentina Cassar Bezzina, li kienet akkumpanjata fuq il-pjanu mill-Maestro Dr Abraham D’Amato waqt din is-serata memorabbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport