L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) laqgħet l-aħħar ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar it-turiżmu f’Settembru li għadda, li wrew trajettorja pożittiva għal din l-industrija li jirriflettu wkoll fl-effettività tal-inizjattivi strateġiċi li qed jittieħdu mill-Awtorità.
Skont l-NSO, it-total ta’ wasliet mit-turisti f’Settembru 2025 żdiedu b’10% fuq l-istess xahar tas-sena ta’ qabel, biex laħħqu kważi t-394,000 turist. Barra minn hekk, in-nefqa tat-turisti żdiedet b’21.3% biex laħħqet l-€466 miljun.
L-akbar għadd taʼ turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena (35.4%); warajhom kien hemm dawk fl-età taʼ bejn il-45 u l-64 sena (29.5%). Residenti mir-Renju Unit, l-Italja, u l-Polonja kienu jammontaw għal 46.0% tat-turisti kollha li waslu Malta.
Meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena taʼ qabel, l-għadd sħiħ taʼ ljieli mqattgħin Malta telaʼ bi 8.9%, u laħaq iż-2.7 miljun lejl. Il-biċċa l-kbira taʼ dawn l-iljieli (87.1%) kienu mqattgħin fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni mikrija. It-tul medju taʼ dawn iż-żjajjar kien jammonta għal 6.8 iljieli.
Meta kkummenta dwar dawn ir-riżultati, il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Carlo Micallef qal li: “ninsabu kuntenti li naraw li d-direzzjoni strateġika li segwejna qed tagħti riżultati tanġibbli u sostenibbli. It-tkabbir robust fin-nefqa turistika, partikolarment minn niċeċ ta’ valur ogħla u swieq barra mill-UE, isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni ewlenija, distinta bl-enfasi fuq il-kwalità u l-valur fit-tul. Dawn ir-riżultati jenfasizzaw l-impenn kontinwu tagħna li nattiraw viżitaturi li japprezzaw il-wirt kulturali rikk ta’ Malta.”
L-MTA tibqa’ impenjata li ssostni dan il-momentum permezz ta’ marketing immirat, żvilupp imtejjeb tal-prodott, u kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati biex tiżgura s-sostenibbiltà u l-kompetittività fit-tul tas-settur tat-turiżmu ta’ Malta.

