Friday, October 25, 2024

L-MTTA b’inizjattivi biex atleti jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet internazzjonali

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija tat-table tennis (MTTA) immexxija mill-president John Sciberras qed tkompli tkabbar il-profil tagħha bl-għajnuna tal-Kumitat Olimpiku Malti speċjalment bil-kollaborazzjoni tas-segretarju ġenerali Kevin Azzopardi. Dan sar ukoll b’investiment finanzjarju bl-għajnuna wkoll ta’ Sport Malta u l-Ministeru għall-Isport u l-Edukazzjoni.

Wara r-riżultati pożittivi li saru waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, it-table tennis kompla jiżviluppa u jilħaq ukoll livell ogħla.

Dan kollu seħħ ukoll riċentement meta f’avveniment organizzat mill-World Table Tennis, Malta kienet fil-podju tat-tieni post bis-suċċess miksub mill-atleta Kim Taehyun li flimkien mal-Franċiż Vincent Picard, waslu sal-finali tal-kampjonati li saru fil-belt kapitali Peruvjana ta’ Lima.

Il-president John Sciberras saħaq fuq l-importanza li pajjiżna jsegwu l-iżviluppi ta’ dan l-isport f’pajjiżi ta’ ċertu kalibru bħall-Ġermanja u Franza u jippruvaw jilħqu livell ogħla sabiex aktar atleti jipparteċipaw b’suċċess f’avvenimenti internazzjonali.

Sadanittant, l-MTTA hi kommessa sabiex bl-għajnuna tal-MInisteru għall-Edukazzjoni u l-Isport u l-Kumitat Olimpiku Malta jgħinu aktar atleti jikkompeti fl-ogħla livell tat-table tennis mhux biss Ewropew iżda anke dinji.

Din il-filosofija se tgħin sabiex il-livell ta’ dan l-isport ikompli jiżdied bit-tama li jkun hemm aktar progress u eventwalment tinkiteb l-istorja tat-table tennis lokali.

Sport