Sunday, December 22, 2024

L-MUMN tisħaq li s-settur tas-saħħa ma kienx indirizzat fil-budget 

Aqra wkoll

Il-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) hija ddiżappuntata bl-aħħar budget għax skont hija, dan naqas milli jindirizza l-kriżi kbira li qiegħed jiffaċċja bħalissa s-settur tas-saħħa. Din il-unjin ħamlet aċċenn fuq in-nuqqas ta’ swali fl-Isptar Mater Dei, il-limitazzjoni ta’ spazju f’Monte Carmeli, kif ukoll in-nuqqas ta’ infermiera.

Filwaqt li spjegat li l-Budget 2023 kien iffokat l-aktar fiċ-ċentri tas-saħħa ġodda f’Raħal Ġdid u Għawdex, l-MUMN stenniet li l-Gvern jibni swali ġodda fl-Isptar Mater Dei. “Pazjenti fl-Isptar se jibqgħu jitpoġġew fil-kuriduri, fil-librerija medika u fil-kanteen tal-impjegati minħabba li dan il-budget naqas milli jipprovdi l-investiment meħtieġ. Il-pazjenti ħaqqhom aħjar. Investiment fi swali ġodda kienu jkunu l-aktar importanti fis-settur tas-saħħa u kellhom jingħataw prijorità,” sostniet din il-unjin.

L-MUMN innotat ukoll li ma ġewx indirizzati l-bżonnijiet tal-Isptar Monte Carmeli fejn żiedet tgħid li, “mhux biss għandu bżonn ta’ xogħol ta’ strutturar massiv iżda l-istess sptar sar żgħir wisq biex jilqa’ għall-bżonnijiet tal-popolazzjoni kollha”. Min-naħa tagħha din il-unjin saħqet fl-importanza li tkun imħarsa s-saħħa mentali tas-soċjetà.

Punt ieħor li semmiet huwa dak li fil-budget ma saritx referenza partikolari jew kif se tkun solvuta l-problema ta’ nuqqas ta’ infermiera.

Fi tmiem l-istqarrija l-MUMN fakkret investimenti li kienu semmew fil-budgets preċedenti u anke dan “imma għadhom ma nbdewx”, jiġifieri dawk ta’ faċilitajiet ġodda tas-saħħa mentali fl-Isptar Mater Dei; ix-xogħol ta’ strutturar fl-Isptar Monte Carmeli; l-blokk ġdid tal-Outpatients fl-Isptar Mater Dei; u l-parkeġġ ġdid fl-istess sptar. 

Ekonomija

Sport