Saturday, October 26, 2024

L-MUMN titlob lil-Gvern biex iwaqqaf lil Steward milli jimpjegaw infermiera barranin fl-Isptar ta’ Għawdex

Aqra wkoll

L-Union tisħaq li se jinħoloq preċedent b’detriment għall-infermiera Għawdxin li jaħdmu Malta 

L-MUMN ippreżentat ittra lill-Prim Ministru Robert Abela biex iwaqqaf lil Steward Health Care milli jkomplu jimpjegaw infermiera barranin fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex b’detriment għall-infermiera Għawdxin li jaħdmu Malta li jammonta għal madwar 160 infermiera. Minħabba f’hekk, l-MUMN qalet li dawn l-infermiera se jispiċċaw jibqgħu jaħdmu Malta.

Il-President tal-MUMN Paul Pace qal li qed jinkiser il-Fethim li hemm eżistenti bejn il-Gvern, l-MUMN u Steward Health Care fejn jistipola li SHC ikun jista’ jimpjega infermiera barranin meta ma jibqax infermiera Għawdxin jaħdmu Malta. Pace qal li hawn numru ta’ infermiera Għawdxin li jaħdmu Malta u għalhekk huma milquta direttament minn dik li sejjaħ bħala inġustizzja b’mod speċjali fejn dawn jistgħu jaħdmu Għawdex.

Pace qal li din is-sitwazzjoni tinkwetahom u qed jappella biex il-Prim Ministru jintervjeni filwaqt li spjega li din mhix ġlieda bejn l-MUMN u Steward imma hija xi ħaġa soċjali. Pace qal li l-infermieri barranin jistgħu jiġu impjegati fl-Isptar Karen Grech fejn hemm postijiet vakanti ta’ madwar 50 u b’hekk dawn l-infermieri Għawdxin jistgħu b’mod immedjat, skont min ikun imissu, jitilgħu Għawdex għax huwa bi dritt tagħhom.

Steward Health Care tirreaġixxi

Intant Steward Health Care Malta qalet li wara l-komunikazzjoni li seħħet il-bieraħ waranofsinhar bejnha u l-Ministeru tas-Saħħa dwar is-sitwazzjoni tal-azzjoni industrijali ordnata mill-MUMN fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Steward tenniet it-talba tagħha lill-Ministeru tas-Saħħa sabiex l-infermiera li qegħdin fil-lista tat-trasferiment għal Għawdex jitħallew jiġu trasferiti għall-GGH u b’hekk tissolva l-kwistjoni li għaddejja bħalissa fl-interess ta’ kull min hu involut u, l-aktar, għall-ġid tal-pazjenti u l-istaff tal-isptar.

Steward ċaħdet kategorikament dak li ntqal mill-union li hija qatt ma riedet tħaddem infermiera Għawdxin li bħalissa jaħdmu Malta. Steward ilha minn Marzu ta’ din is-sena titlob ripetutament lill-Ministeru tas-Sahha biex l-infermiera Għawdxin f’Malta jiġu rilaxxati sabiex jaħdmu ġewwa Għawdex. Sa issa, Steward ma rċeviet l-ebda tweġiba mill-Ministeru tas-Saħħa li l-infermiera Għawdxin jistgħu jitħallew jaħdmu fil-GGH.

Bħala parti mill-proposti tagħha lill-Ministeru tas-Saħħa, ilbieraħ Steward qalet li lesta tikkunsidra twaqqaf immedjatament il-proċeduri legali kollha b’rabta mal-mandat ta’ inibizzjoni, dment li jintlaħaq ftehim mal-Ministeru tas-Saħħa u l-MUMN.

F’ittra li bagħtet ilbieraħ lill-Ministeru tas-Saħħa, Steward Health Care Malta qalet li, fid-dawl tad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa, l-interess tal-pazjenti jibqa’ fil-qalba tal-attenzjoni tagħha. Fl-ittra qalet ukoll li f’nofs din it-tilwima hemm il-kwistjoni li l-isptar ikollu l-kapaċità sħiħa li jilqa’ għall-imxija tal-COVID-19 kif mitlub jagħmel mill-gvern u għas-saħħa tal-pazjenti u l-istaff.

Fl-istess ittra Steward stqarret ukoll li kienet ferm sorpriża bil-pożizzjoni tal-MUMN, li biha mhux biss ixxekkel dawk l-għanijiet iżda wkoll ma toffri l-ebda proposta għal soluzzjoni prattika jew kostruttiva.

Fl-aħjar interess tal-pazjenti tagħha, Steward qed tirriserva d-dritt li tkompli tieħu azzjoni legali kontra l-MUMN b’rabta mad-direttivi li tħabbru lbieraħ mill-union b’reazzjoni għall-mandat ta’ inibizzjoni li kisbet Steward il-Ħadd li għadda, 14 ta’ Ġunju 2020. Jidher ċar li dawn id-direttivi saru b’tentattiv sabiex il-Union tissorvola l-ordni tal-Qorti, u qed jipperikolaw serjament numru ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa f’Għawdex, li Steward hi obbligata legalment u moralment li tipprovdi.

Steward offriet lill-Ministeru tas-Saħħa proposta biex issolvi l-kwistjoni b’mod amikevoli bejn il-partijiet konċernati. Fil-fatt, fl-ittra Steward qalet li lesta tikkunsidra tirtira b’mod immedjat il-proċeduri kollha marbutin mal-mandat ta’ inibizzjoni, jekk jintlaħaq ftehim mal-Ministeru tas-Saħħa u l-MUMN li jkun ibbażat fuq dawn il-punti:

1. Il-Ministeru jippermetti li 10 infermiera mil-lista tat-trasferiment għal Għawdex, jiġu rilaxxati sabiex jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex (li huma l-ekwivalenti ta’ infermiera barranin)  li Steward kellha tingaġġa, bi qbil mal-Ministeru u l-Union, biex tagħmel tajjeb għal-livelli tal-istaff meħtieġa.

2. Dawn l-10 infermiera jitqiesu apparti mit-8 infermiera li bħalissa huma identifikati għal skopijiet ta’ replacement.

3. Sadattant, l-impjegati barranin li diġà ġew ingaġġati minn Steward għandhom jinżammu jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex sakemm it-18-il infermier imsemmija hawn fuq  ikunu gew ttrasferiti għall-GGH. Meta jiġri dan, l-impjegati barranin jiġu ttrasferiti għall-Isptar ta’ Riabilitazzjoni Karin Grech.

4. L-MUMN tirtira d-direttivi b’effett immedjat.

Steward temmen li din il-proposta li għamlet ilbieraħ lill-Ministeru tas-Saħħa għandha tkun aċċettabbli kemm għall-Ministeru u anke għall-MUMN, u qed tistenna li tingħata tweġiba pożittiva ħalli din il-kwistjoni tissolva fl-aħjar interess tal-pazjenti tagħha u l-komunità Għawdxija li qed isservi.

Sport