Illum l-MUT qed tattendi laqgħat mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u mas-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika fejn qed tiġi mgħarrfa dwar il-protokolli tas-saħħa li qed jiġu mħejjija għall-iskejjel. Dan hu pass importanti sabiex l-edukaturi jkollhom l-istampa ċara dwar is-sitwazzjoni. Għaldaqstant, fid-dawl tal-informazzjoni li qed tasal, l-MUT ser tkun qed tlaqqa’ l-Kunsill tagħha nhar it-Tnejn filwaqt li ser tiltaqa’ mal-membri matul il-jiem tat-Tlieta, l-Erbgħa u l-Ħamis. Dan filwaqt li l-laqgħat mal-Gvern u l-awtoritajiet rispettivi ser jissoktaw sabiex il-Union tagħti r-reazzjonijiet tagħha għal dak li qed jiġi propost.
L-MUT tħoss li dawn il-jiem huma kruċjali, u kif tenniet diġà, ser tkun qed toħroġ il-pożizzjoni tagħha dwar il-ftuħ tas-sena skolastika biss wara li tkun evalwat is-sitwazzjoni kollha, kemm mil-lat ta’ implimentazzjonijiet ta’ miżuri, kif ukoll mil-lat ta’ kemm ser ikollna każijiet pożittivi tal-COVID-19 u r-rata tat-trasmissjoni. Hekk titlob is-serjetà, il-professjonalità u r-responsabbiltà li dejjem imxiet biha l-MUT. Dwar dan l-MUT qed tiltaqa’ mal-esperti u l-awtoritajiet kollha fil-qasam, kemm lokali u Ewropej. L-MUT tibqa’ ssostni li l-prinċipji li għandhom jiggwidaw kull deċiżjoni jibqgħu s-saħħa u s-sigurtà ta’ kull edukatur u student.