Monday, December 23, 2024

L-MUT se tiltaqa’ mal-Ministeru b’rabta mal-għalliema peripatetiċi fil-primarja

Aqra wkoll

L-MUT ġiet infurmata bis-sejħa mill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex għalliema peripatetiċi u dawk fis-servizzi, b’mod volontarju, jieħdu klassi fil-primarja. Filwaqt li ċaħdet kull allegazzjoni malizzjuża li saret fil-konfront tal-MUT fejn ingħad li l-union ftehmet mal-Ministeru mingħajr konsultazzjoni, qalet li qiegħda tistenna b’ħerqa l-eżitu ta’ din is-sejħa għax mingħajr din l-informazzjoni ma tistax tiġi evalwata s-sitwazzjoni, partikolarment kif l-għalliema peripatetiċi u dawk fis-servizzi jistgħu jkunu affettwati bid-deċiżjonijiet li l-Ministeru se jkun qiegħed jipproponi. 

L-MUT sostniet li, “wara li jkun hemm l-istampa veritiera, imbagħad l-MUT tkun tista’ tlaqqa’ l-għalliema affettwati biex tiġi diskussa s-sitwazzjoni u tittieħed pożizzjoni”. L-unjin qalet li din hija l-istess sejħa għal espressjoni ta’ interess bħalma ħarġet is-sena li għaddiet peress li bil-protokolli, partikolarment dawk tad-distanza soċjali, kien hemm klassijiet b’inqas studenti u allura ħolqot domanda għal aktar għalliema tal-klassi. 

L-MUT fi stqarrija qalet li, “iċ-ċirkostanzi talbu wkoll li numru ta’ għalliema meqjusa bħala vulnerabbli għallmu fl-iskola virtwali u dan kompla jnaqqas in-numru ta’ għalliema fil-klassi. Dan biex ma nsemmux li anke qabel il-pandemija l-MUT kienet ilha tisħaq dwar pjan fit-tul biex tiġi megħluba l-kriżi ta’ nuqqas ta’ għalliema fil-qasam edukattiv”.

Din l-unjin temmet tgħid li, “sfortunatament, sena wara sena, kollox jitħalla sal-aħħar minuta fejn imbagħad, kif l-MUT jkollha l-ewwel oġġezzjoni għall-mod kif isiru l-affarijiet u għax titlob ftit ġranet biex tikkonsulta lill-membri, teħel hija li qiegħda żżomm l-affarijiet”.

Ekonomija

Sport