Wednesday, December 25, 2024

L-MUT tallega li pulizija qed jitħalla jagħmel li jkun hemm bżonn fi skola

Tkompli s-sitwazzjoni ta' instabbiltà fil-Kulleġġ San Albert il-Kbir

Aqra wkoll

L-MUT ikkomunikat mal-awtoritajiet tal-knisja u mal-Ministeru tal-Edukazzjoni wara li ntqal li r-rettur tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir allegatament qabbad uffiċjal tal-pulizija sabiex jagħmel dak kollu li jkun hemm bżonn fl-iskola, kif ukoll jagħmel superviżjoni mat-tfal. 

Fi stqarrija maħruġa, l-Unjin tal-għalliema qalet li dan il-fatt ġie kkonfermat minn diversi sorsi fil-kulleġġ u anki minn ġenituri. L-istqarrija tkompli li allegatament, dan l-uffiċjal tal-pulizija, li ġie mqabbad bla ebda sejħa, waqt is-superviżjoni uża wkoll metodi ta’ dixxiplina li jintużaw fil-korpi sabiex jiddixiplina lit-tfal.  

Filwaqt li kkundannat tali ngaġġ u aġir, l-MUT qalet li huwa ċar li r-rettur tal-kulleġġ qiegħed jitħalla jmexxi l-iskola mingħajr ebda kunsiderazzjoni tal-obbligi tiegħu, jiġifieri li jipprovdi l-aqwa edukazzjoni għat-tfal u ż-żgħażagħ fdati f’idejh. 

Saħqet li minflok, huwa qed imexxi l-kulleġġ bl-aktar mod dillettantesk, saħansitra billi jdaħħal lil min irid fl-iskola biex jagħmel xogħol l-għalliema. 

“Dan biex ma nsemmux ukoll l-isforzi li qiegħed jagħmel sabiex jistieden terzi fil-kulleġġ, li mhumiex kwalifikati fl-istandards edukattivi, ħalli wara li jaraw il-kurituri mżejna u t-tfal fil-klassijiet jgħidu li kollox miexi b’mod normali”, kompliet l-Unjin tal-ħaddiema.

L-MUT fakkret li dan il-kulleġġ qiegħed jopera mingħajr liċenzja u huwa ċar li r-rettur qiegħed ikompli jgħaffeġ minflok ma joħroġ lill-iskola mill-kriżi li ħoloq huwa stess. Sostniet tgħid li r-responsabbiltà ta’ din is-sitwazzjoni trid tintrefa mill-imsemmi rettur, iżda wkoll mill-awtoritajiet tal-knisja u mill-Ministeru tal-Edukazzjoni li mhux qed jaġixxu f’dan ir-rigward. 

Ekonomija

Sport