Saturday, December 21, 2024

L-MUT titlob l-Università tissospendi l-avviż legali dwar ir-rekwiżiti ġodda għad-dħul fil-JC

Aqra wkoll

L-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, qed titlob għas-sospensjoni tal-avviż legali li permezz tiegħu jinbidlu r-rekwiżiti għad-dħul għall-Junior College.

Skont l-avviż legali l-applikanti jistgħu jidħlu bħala Junior Students fil-Junior College tal-Università jekk ikunu għaddew f’sitt eżamijiet tal-Eżami għaċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja bi grad 5 jew aħjar. Dawn għandhom jinkludu tal-inqas il-Malti, il-Lingwa Ingliża jew il-Matematika. L-istudenti li jkun jonqoshom wieħed jew tnejn minn dawn is-suġġetti jkun jeħtiġilhom jattendu lezzjonijiet preparatorji fil-Junior College biex jissodisfaw ir-Rekwiżiti għad-dħul.

Jingħad ukoll li l-Bord tad-Dħul, fuq parir tal-Access Disability Support Committee jista’ jaċċetta applikazzjonijiet minn studenti li għandhom kwalifiki inqas minn dawk meħtieġa, minħabba diżabbiltà sinifikanti (inkluż applikanti fi ħdan l-Ispettur tal-Awtiżmu u dawk b’Diffikultajiet Speċifiċi ta’ Tagħlim) u bil-kundizzjoni li l-kwalifiki nieqsa ma jaffettwawx ħażin l-istudji tal-applikanti fil-Junior College.

Fi stqarrija, l-MUT innutat li dan il-proċess qed isir mill-Università ta’ Malta, iżda talbet lill-Gvern biex jintervjeni u jissospendi l-by-law sakemm tinħatar amministrazzjoni ġdida u jsiru d-diskussjonijiet fuq dan is-suġġett. L-MUT qalet li l-edukaturi u l-pubbliku jeħtieġ li jiġu kkonsultati u għandu jintlaħaq qbil qabel dawn il-kriterji jidħlu fis-seħħ.

L-Unjin sostniet li kkomunikat mar-Rettur tal-Università u s-Segretarju Permanenti fil-Ministru tal-Edukazzjoni dwar din il-kwistjoni.

Ekonomija

Sport