Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) laqgħet il-miżuri finanzjarji mħabbra fil-Budget 2026 immirati li jgħinu aktar lill-familji fosthom it-tnaqqis fit-taxxi għal familji bit-tfal, iż-żieda fiċ-Children’s Allowance għall-familji li jaqalgħu inqas minn €30,000, u ż-żieda fil-Bonus għat-Twelid u Adozzjoni. L-NCPE tagħraf ukoll il-ħtieġa li l-familji bit-tfal li jħallsu t-taxxa se jkunu qed jibbenefikaw sakemm l-aħħar wild ikollu 18-il-sena jew 23 sena jekk ikun għadu qed jistudja.
F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, il-Kummissarju tal-NCPE Renee Laiviera qalet li hekk kif rakkomandat fl-istudju ppubblikat fl-2024, l-NCPE tirrikonoxxi li l-miżuri finanzjarji għandhom ikunu akkumpanjati b’riformi strutturali aktar wiesa’ li jindirizzaw il-kawżi sottosstanti tal-fertilità baxxa, speċjalment dawk marbuta mal-miżuri favur il-familja. Għaldaqstant, l-impenn tal-Gvern biex jibda diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali biex jiżdied il-Maternity Leave, il-Paternity Leave u jitjieb il-Parental Leave, huwa pass ieħor importanti biex jisaħħaħ il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.
“Dawn il-miżuri huma ta’ benefiċċju biex jindirizzaw l-isfidi għat-tkabbir tal-familja, fosthom minħabba diffikultajiet fir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja familjari,” tenniet il-Kummissarju tal-NCPE.
Hija tat ħarsa wkoll lejn l-istudju li ppubblikat l-NCPE fl-2024, ‘Perceptions and Attitudes of women and men in Malta towards Work-Life Balance: with a specific focus on family size’, li qalet li juri kif il-kunflitt persistenti bejn ix-xogħol u l-familja jkompli jaffettwa l-perċezzjonijiet u l-attitudnijiet dwar jekk il-familji jkollhomx (iżjed) tfal.
“Ir-riżultati juru li l-medja tan-nisa idealment xtaqu li jkollhom żewg itfal, filwaqt li l-irġiel xtaqu 1.86 fil-medja. Minkejja dan, hemm sfidi relatati mar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-kura tat-tfal. F’dan ir-rigward, l-ommijiet ibatu b’mod sproporzjonat, u dan jaffettwa l-intenzjonijiet tagħhom dwar il-fertilità.
“Minbarra dan, ħafna mill-parteċipanti ma kinux sodisfatti bit-tul taż-żmien u l-kumpens marbut mal-maternity, paternity u l-parental leaves, u sejħu għal leaves itwal u mħallsa aħjar u għal leave ġdid biex jintuża meta t-tfal ikunu ma jifilħux.
“Is-sapport finanzjarju lill-familji ingħata wkoll importanza bħala miżura li tista’ tgħin lill-ġenituri biex ikollhom iktar tfal.
Għaldaqstant, l-NCPE enfasizzat il-ħtieġa ta’ pjan ħolistiku nazzjonali li jittratta l-fatturi numerużi u interkonnessi li jikkontribwixxu biex tiġi indirizzata l-isfida demografika tal-fertilità li dejjem qed tonqos,” tenniet il-Kummissarju Laiviera.



