Friday, December 20, 2024

L-NDSF b’għotja ta’ €10,000 lil Puttinu Cares

Aqra wkoll

Il-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp u Soċjali (NDSF) ħabbar kontribuzzjoni ta’ solidarjetà soċjali ta’ €10,000 waqt il-maratona tal-Fondazzjoni Puttinu Cares, li saret nhar il-Ġimgħa l-Kbira. 

Waqt il-preżentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja, il-Kap Eżekuttiv tal-NDSF, Raymond Ellul, sostna li din se tgħin biex ittaffi l-piżijiet tal-pazjenti u tal-familji li għaddejjin minn mumenti diffiċli. 

L-NDSF appoġġja l-aħħar inizjattiva ta’ Puttinu Cares, ċioe l-akkwist ta’ grupp ta’ 21 appartament fiċċentru ta’ Londra taħt l-isem ‘Dar Calvagna’. Dan permezz ta’ għotja soċjali ta’ ħames miljun ewro. 

Il-Fond impenja wkoll €100,000 biex jgħin lil Puttinu jikri appartamenti għal tfal Ukreni li qed ifittxu kura medika urġenti fir-Renju Unit. Bit-tema ‘dar bogħod mid-dar’, Dar Calvagna hija msemmija wara l-mibki Dr Victor Calvagna, il-membru fundatur tagħha, u se tipprovdi akkomodazzjoni lil kull ċittadin Malti li jkollu bżonn jivvjaġġa lejn Londra għal kura medika urġenti. B’hekk, pazjenti u l-membri tal-familja tagħhom mhux se jkollhom bżonn ifittxu u jħallsu għall-akkomodazzjoni matul il-perjodu tat-trattament. 

Fil-preżent, bejn 60 u 90 pazjent jivvjaġġaw lejn l-Ingilterra għal kura speċjalizzata kull xahar, u l-biċċa l-kbira tal-pazjenti jibqgħu fiċ-ċentru ta’ Londra. Il-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp u Soċjali huwa aġenzija tal-gvern mwaqqfa bil-għan li jamministra 70% tal-kontribuzzjonijiet riċevuti mill-Individual Investor Programme tar-Repubblika ta’ Malta. 

Il-Fond jikkontribwixxi lejn proġetti kbar ta’ importanza nazzjonali u jassisti fi proġetti u inizjattivi li huma ta’ interess pubbliku u li jgħinu fil-promozzjoni ta’ sforzi fl-edukazzjoni, ir-riċerka, l-aspetti soċjali, l-innovazzjoni, il-ġustizzja u l-istat tad-dritt, l-inizjattivi tal-impjiegi, l-ambjent u s-saħħa pubblika.

Ekonomija

Sport