Wednesday, December 25, 2024

L-NDSF tinvesti f’proprjetajiet li bħalissa huma okkupati minn każini tal-baned

Aqra wkoll

Il-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp u l-Fond Soċjali (NDSF), li fost l-għanijiet tiegħu jaħdem biex jissalvagwardja l-wirt nazzjonali u kulturali Malti, formalment ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jinnegozja ma’ sidien ta’ proprjetajiet privati biex jakkwista binjiet li bħalissa huma okkupati mill-każini tal-baned.

L-għan ta’ dan l-intervent huwa li jipprovdi soluzzjoni ġusta lis-sidien ta’ propjetà privata, filwaqt li jiġu evitati sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-iżgumbrament ta’ każini tal-baned mill-postijiet li jinsabu fihom bħalissa.

L-investiment għal dan il-pass se jitwettaq mill-NDSF, u n-negozjati se jkunu bbażati fuq parametri  predefiniti u konformi mal-missjoni tal-NDSF li tikkontribwixxi lejn, tippromwovi, u tappoġġja proġetti kbar li huma ta’ importanza nazzjonali. Meta jiġu akkwistati propjetajiet, dawn il-postijiet jiġu trasferiti lill-każini tal-baned rispettivi, taħt titlu ġdid ta’ kera fit-tul.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera qal li wara proċess metikoluż, evalwaturi indipendenti kienu ingaġġati minnufih biex jipprovdu valur u opinjoni indipendenti dwar is-siti li jinsabu f’sitwazzjoni prekarja jew diġà f’tilwima rigward l-okkupanza legali tagħhom.

“Mhux biss ninsabu f’pożizzjoni li nifhmu l-importanza li nissalvagwardjaw l-operat ta’ dawn iċ-ċentri kulturali lokali, imma wkoll li nagħtu ħajja lit-tradizzjonijiet u l-wirt tagħna”, qal il-Ministru. Huwa rringrazzja lill-Għaqda Każini tal-Baned għall-kooperazzjoni tagħhom u qal li l-għajnuna tagħhom għenet lill-Gvern jifformula pożizzjoni soda biex jibda n-negozjati meħtieġa.

“Dan iwassal ukoll għat-twettiq ta’ wegħda oħra mill-Manifest Elettorali tal-2017, li tiggarantixxi l-protezzjoni tal-wirt, l-identità kulturali u t-tradizzjonijiet ħajjin tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri”, qal il-Ministru Herrera.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat sostna li dan il-pass kuraġġuż huwa maħsub biex ittemm snin ta’ inċertezza li la l-membri tal-każini tal-baned u lanqas sidien ta’ propjetà privata ma jistħoqqilhom.

Waqt li enfasizza li l-każini tal-baned għandhom rwol ta’ importanza sinifikanti fi ħdan il-kultura Maltija, is-Segretarju Parlamentari qal li s-salvagwardja tagħhom hija ta’ importanza kbira għal din il-ġenerazzjoni u dawk futuri. Huwa faħħar lill-NDSF talli b’mod proattiv fittex soluzzjonijiet għal problema li ilha mifruxa fuq għexieren ta’ snin u nnota li soluzzjoni bħal din tista’ tiġi proposta biss minħabba li l-fondi nkisbu permezz ta’ investiment dirett barrani f’pajjiżna.

“Grazzi għal fondi li ġew iġġenerati mill-inizjattivi ta’ Malta li jwasslu għar-residenza u ċ-ċittadinanza, issa ninsabu f’pożizzjoni li nipprovdu serħan tal-moħħ lil mijiet ta’ nies li għandhom il-każini tal-baned qrib qalbhom. Meta nagħmlu dan, qed nipprovdu soluzzjoni vantaġġuża lis-sidien tal-propjetà, peress li se jiġu offruti prezz kompetittiv skont is-suq kurrenti”, temm is-Segretarju Parlamentari.

Ekonomija

Sport