Sunday, December 22, 2024

L-OASI bi 300 talba minn persuni bil-vizzji fl-2022

Aqra wkoll

Matul is-sena li għaddiet, il-Fondazzjoni OASI kellha aktar minn 300 talba mingħand persuni bi problemi ta’ vizzji. Dan filwaqt li kien hemm 200 persuna li bdew jirċievu terapija b’mod residenzjali jew fil-komunità, b’36% kienu jgħixu Għawdex.

Qal dan il-Kap Eżekutiv tal-Fondazzjoni OASI, Noel Xerri waqt ċerimonja li fakkret it-32 sena mit-twaqqif ta’ din l-organizzazzjoni. Huwa spjega li matul l-2022, twettqu 3,790 siegħa ta’ terapija ma’ dawk li qed isegwu programm fil-komunità.

Is-Sur Xerri qal ukoll li: “44% ġew għandna inizjalment minħabba diffikultajiet relatati mal-kokaina u 41% minħabba problemi relatati ma’ alkoħol. Jinkwetana l-fatt li 6% biss avviċinawna minħabba problemi ta’ kannabis, meta fis-snin ta qabel kellna rati wisq ogħla (2020 – 12% u 2021 – 10%).”

Żied li 84% tal-persuni kellhom xogħol stabbli u 15% kellhom minn tal-inqas first degree. Fl-istess waqt, 64% ta’ dawk li talbu l-għajnuna tal-OASI trabbew f’ambjent ta’ vizzji u 57% għandhom it-tfal tagħhom. 10% ma kellhomx akkomodazzjoni stabbli.

Is-Sur Xerri kompla jgħid li meta tħares minn perspettiva psiko-soċjali, dawn il-figuri huma indikazzjoni ċara li hawn familji qed ibatu sforz il-vizzji. “Emmnuni, it-tbatija tal-familja hija kbira. Bħalissa qed jiġuni każijiet f’moħħi fejn żewġ familji sabu t-tfal tagħhom mejta minħabba d-droga f’Jum il-Milied.”

Qal ukoll li dawn il-figuri juru li minkejja n-normalizzazzjoni u l-legalizzazzjoni tad-droga, hawn persuni li qed ifittxu ħajja aħjar ‘il bogħod mill-użu tas-sustanzi. Għalhekk irrikorrew l-OASI.

“Jibqa’ l-fatt li l-motto li ħarġet bih il-Fondazzjoni OASI 32 sena ilu – Il-ħajja sabiħa mingħajr id-droga – għadu validu. Naħseb li dan huwa l-aqwa messaġġ li fuqu għandha tiġi msejsa kull strateġija ta’ prevenzjoni, kull terapija u kull strateġija ta’ Harm Reduction,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Fonazzjoni OASI.

Ekonomija

Sport