Fil-ftuħ tas-seduta, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia fisser il-vjolenza kontra n-nisa bħala “theddida għal soċjetà sigura u paċifika u qal li l-ebda pajjiż “mhu immuni għal sfidi bħal dawn, b’Malta mhix eċċezzjoni.”
Il-qtil ta’ Paulia Dembska, Rita Ellul u Bernice Cilia s-sena li għaddiet iservu ta’ tfakkira qawwija għalina lkoll dwar il-ħtieġa urġenti li din il-kwistjoni tibqa’ fuq nett tal-aġenda,” qal l-Ispeaker.
Huwa kompla jgħid li l-ebda mara m’għandha tgħix fil-biża’ u li huwa l-obbligu tagħna li nkunu l-vuċi għal dawk li m’għandhomx u li nisimgħu lill-vittmi meta dawn jitolbu għall-għajnuna.
“Is-silenzju mhijiex l-għażla. Irridu nżommu f’moħħna li n-nisa mhumiex grupp wieħed kbir ta’ nies. Hemm nisa oħra li jiffurmaw parti minn minoranza, li għandhom diżabilità u li jissieltu ma’ mard mentali,” tenna l-Ispeaker.