Monday, August 4, 2025

‘L-objettiv primarju jibqa’ l-iżvilupp taż-żgħażagħ sabiex il-futur tal-logħba jkun promettenti’ – Mark Marlow

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Minn żmien twil ilu, Mark Marlow kien wieħed mill-figuri ewlenin fil-futbol lokali mhux biss bħala plejer jew kowċ, iżda wkoll bħala uffiċjal iddedikat għall-iżvilupp ta’ logħob differenti fi ħdan l-MFA. Illum, bħala Direttur tal-Futsal u l-Beach Soccer, Marlow qed imexxi b’viżjoni ċara u passjoni kbira.

Dan is-sit tkellem ma’ Marlow innifsu fejn kellimnih b’mod partikolari dwar il-beach soccer u l-kwalifikazzjoni li kiseb it-tim nazzjonali Malti wara li rebaħ logħba kontra n-Norveġja bl-iskor ta’ 3-2.

“IIl-futsal u l-beach soccer, għalkemm mhux futbol tradizzjonali, xorta għandhom jitqiesu bħala parti mill-familja tal-futbol. Huma sports li joffru ambjent ideali għat-tfal u ż-żgħażagħ biex itejbu l-ħiliet tagħhom u jiskopru opportunitajiet ġodda – anke fuq livell internazzjonali ikollhom ċans li jirrapreżentaw lil pajjiżhom. Bħalma jiġri f’kull dixxiplina sportiva, iktar kemm wieħed jibda minn età żgħira, iktar ikun hemm ċans li jagħmel impatt f’din il-logħba,” qal Marlow f’din l-intervista.

 Marlow spjega li f’dawn l-aħħar snin sar titjib sinifikanti mhux biss fil-futsal iżda wkoll fil-beach soccer li hu fissru bħala sport li fih ħafna potenzjal.  “Illum għandna kampjonati organizzat b’mod aktar organnizzat, u kull sena naraw żieda fl-interess minn plejers u klabbs. Matul l-aħħar ħames snin hdimna ħafna sabiex inħejju qafas sod fl-edukazzjoni għall-kowċis u r-referees, u għall-ewwel darba s-sena l-oħra organizzajna l-UEFA Futsal ‘B’ diploma sabiex dan iwassal għall-iżvilupp sostenibbli ta’ dan l-isport. Rajna wkoll li nkunu parteċipi fil-kompetizzjonijiet uffiċjali tal-UEFA, mhux biss għat-timijiet nazzjonali tal-Kbar, iżda wkoll dawk ta’ etajiet oħra bħall-UEFA U/19 Championship (Futsal).

 “Il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali kienet kruċjali biex nevalwaw il-livell taghna u fejn nistgħu naslu. Fl-aħħar edizzjonijiet kellna prestazzjonijiet pożittivi fejn introducejna iktar zghazagh mat-teams nazzjonali rispettivi” qal Marlow.

Semma wkoll li dan jagħti motivazzjoni lill-plejers lokali biex jitħarrġu aktar, sabiex itejbu l-hiliet taghhom, jżommu livell kompetittiv u jkollom opportunitajiet diversi kemm lokalment u anka barra minn xtutna. “Qed naraw plejers li jagħmlu sagrifiċċji kbar, u qed jaħdmu b’dedikazzjoni biex ikunu parti minn tim nazzjonali li jirrapreżenta lill-pajjiż bl-aħjar mod possibli. Tajjeb insemmu wkoll li din is-sena ħa jkollna tliet plejers tal-Futsal li ħa jkunu qed jilagħbu barra minn pajjiżna. ” Dan jgħin ukoll sabiex il-logħba tkun aktar rispettata.

 Wieħed mill-aktar aspetti eċċitanti tal-ħidma ta’ Marlow huwa l-beach soccer, dixxiplina li ilha tiżviluppa f’Malta iżda li fl-aħħar snin rat qabża importanti. “Il-kompetizzjoni internazzjonali li ħadna sehem fiha riċentement f’Castellammare di Stabia kienet storika.

Ilna nieħdu sehem f’dan il-livell għal dawn l-aħħar erba’ snin, u għalkemm ġieli kellna riżultati aċċettabbli u prestazzjonijiet sodisfaċenti peró fl-aħħar waslet l-ewwel rebħa f’din il-kompetizzjoni tal-European Beach Soccer League Division B.

Skont Marlow, din ir-rebħa kienet pass important sabiex Malta tibni reputazzjoni fil-beach soccer Ewropew. “Mhux faċli tikkompeti ma’ nazzjonijiet li ilhom snin jagħmlu dan l-isport. Imma konna determinati li nagħmlu figura tajba.”

L-għanijiet ta’ Marlow u tat-tim tiegħu huma ċari: ikomplu jkabbru l-infrastruttura u jrawmu kulturá li tapprezza u tappoġġja dawn id-dixxiplini. “Qed ninvestu f’korsijiet ta’ taħriġ għal coaches, kompetizzjonijiet fl-iskejjel u klabbs tal-football u inizjattivi fil-komunità biex iż-żgħażagħ ikollhom aċċess għal dawn l-isports mill-eta’ bikrija,” spjega.

Marlow jemmen ukoll li s-suċċess ta’ dawn id-dixxiplini jiddependi fuq il-kollaborazzjoni ma’ għaqdiet differenti fosthom klabbs, awtoritajiet lokali, sponsors u organizzazzjonijiet internazzjonali. “Irridu nkunu realistiċi – mingħajr sostenn finanzjarju sabiex ikollna infratruttura adekwata ma nistgħux nimxu ’l quddiem.”

Minkejja l-fatt li ħafna raw il-kwalifikazzjoni għall-Promotion Finals bħala suċċess, Marlow jiddeskrivih aktar bħala objettiv milħuq. “Jien ma tantx insejjaħlu suċċess imma objettiv li ntlaħaq, wara erba’ snin ta’ ħidma, ghax nemmen li fadal hafna xoghol xi jsir. Irbaħna kontra Norveġja wara li tlifna magħhom darbtjen fl-edizzjonijiet passati, u ghal daqstant kellna xi npattulhom. L-għan primarju kien li nikkwalifikaw għal-Promotional Final f’Settembru,” qal b’konvinzjoni.

It-tim Malti rnexxielu jirbaħ (3-2) kontra n-Norveġja iżda tilef kontra r-Rumanija (6-2) u kontra l-Każakstan (5-4). Marlow ammetta li ma kien kuntent għal kollox. “Ma tantx kont daqshekk sodisfatt b’dawn iż-żewġ riżultati ta’ kontra r-Romanija u l-Kazakhstan. Kien hemm xi żbalji individwali meta aħna konna fil-pussess tal-ballun, li pattejna għalihom bil-kbir, għalkemm konna dejjem viċin l-avversarji. Logħba fuq ir-ramel hija iktar iebsa u trik tkun iktar konċentrat waqt il-logħob. Trid tipprattika ħafna sabiex tikseb il-kunfidenza u l-esperjenza neċessarja.’’

Wieħed mill-fatturi li kkontribwixxa għal dan ir-riżultat kien l-impenn li t-tim kompla jżomm anke matul ix-xitwa. “It-tim baqa’ jittrenja matul ix-xitwa, u dan juri kemm li kien hemm iktar serjetà u dedikazzjoni,” spjega Marlow. “Imma nerġa’ ntenni li għad fadal ħafna xogħol x’jitwettaq – pajjiż turistiku bħal taghna għandu jagħmel ħafna iktar biex ikompli jikber f’dan l-isport.”

Marlow faħħar ukoll l-impenn tal-Malta Beach Soccer Association (MBSA), li organizzat kampjonati kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa. “Kienu kampjonati ta’ suċċess fejn żdiedet il-kwalitá tat-timijiet. Hemm ħafna interess u entużjażmu, u fil-futur irridu naħdmu biex ikollna wkoll tim nazzjonali tan-nisa, wara li jkollna bażi soda.”

It-tim tekniku huwa kruċjali biex tim jilħaq livelli għolja, u l-kowċ Taljan Marco Casarsa ġie mfaħħar mill-istess Marlow. “Ilna naħdmu ma’ Casarsa għal dawn l-aħħar erba’ snin. Jekk tara kif il-logħba qed tiżvolġi, wieħed jinduna li l-istrateġija tjiebet ħafna, il-plejers tghalmu jilghabu il-loghba. Għalhekk wasalna fejn wasalna. Imma hemm bżonn iktar koperazzjoni mill-klabbs , fejn nistaw insahhu l-iskwadra taghna ghal-kompetizzjoni li jmiss. Jeħtieġ iktar għajnuna.” Il-kwalitá hija l-fattur ewlieni li tagħmel id-differenza.

Waħda mill-problemi li jaffaċċja l-beach soccer f’Malta huma l-faċilitajiet. Iżda f’Birzebbugia, hemm bajja li tista’ ssir ċentru importanti għal dan l-isport. “Ilni naħdem għal dawn l-aħħar snin fuq il-ħolma li jkollna beach soccer pitch ta’ livell internazzjonai fejn nistgħu nospitaw timijiet ġewwa pajjiżna sabiex inkunu nistgħu nagħmlu wkoll logħbiet ta’ ħbiberija li għandna nuqqas minnhom.’’

Qed nipprova nikkonvinċi aktar lill-awtoritajiet konċernati sabiex naraw li din il-ħolma ssir realtà u qedin niddiskutu flimkien mal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu (MTA) u l-Kumitat Olimpiku Malti (MOC).”

Marlow jemmen li faċilitajiet bħal dawn jistgħu jintużaw għal sport ieħor bħall-beach volley, beach handball, footvolley, u sports oħra, sabiex inkunu nistgħu ukoll nattiraw iktar turiżmu sportiv ġewwa pajjiżna u norganizzaw Kampjonati Ewropej f’Malta.

Bħalissa, it-tim qed jippjana għal sitt ġimgħat ta’ taħriġ qabel Viareggio. “Se jkollna programm intensiv matul dan ix-xahar ta’ Awissu sabiex inkunu iktar ippreparati għall-kompetizzjoni li jmiss fejn nistgħu niffaċċjaw il-qawwa tal-Azerbaijan, Belgju, Litwanja, Rumanija u Kazakhstan fil-fażi tal-gruppi. Qegħdin nippruvaw li jkollna partita ta’ ħbiberija kontra tim lokali Taljan ġewwa Viareggio sabiex nippreparaw il-plejers bl-aħjar mod possibli.

L-ewwel żewġ timijiet li jiġu fil-gruppi fid-Diviżjoni B se jiksbu promozzjoni għal Diviżjoni A –  ovvjament mhux se tkun faċli peró hija xi ħaġa li ħa naħdmu għaliha u għaldaqstant hija possibli.”

Madankollu, Marlow jibqa’ ottimist u motivat: “Lil pajjiżna rridu nkomplu ngħolluh ’il fuq. Hemm rieda u impenn u meta jkollok tim li jemmen li nistaw nikbru, kollox ikun possibbli.’’

Enfasizza wkoll l-importanza tal-komunikazzjoni: “Il-media għandha rwol kruċjali biex tqajjem kuxjenza dwar dawn dan l-isport. Kull rapport, kull artiklu u kull intervista tgħin biex inġibu iktar pubbliku u parteċipazzjoni. Ta’ dan jien grat lejhom”

Mark Marlow jżomm ruħu pożittiv dwar dawn l-isfidi “Kull sfida hija opportunità. Bil-pass u l-passjoni li għandna, nemmen li Malta tista’ tkun punt ta’ referenza għall-Futsal u Beach Soccer fl-Ewropa.” Pajjiż bħal tagħna jista’ joffri spettaklu u ospitalitá u għalhekk persważ li timijiet barranin jixtiequ li jiġi organizzat Kampjonat Ewropew ġewwa pajjiżna.

“Irridu nibqgħu mexjin, iffukati fuq l-għanijiet b’iktar ħidma intensiva min-naħa ta’ kulħadd. Jekk nibqgħu nemmnu, naħdmu u ninvestu, il-futur ta’ dawn l-isports f’Malta jista’ jkun tassew brillanti,” temm jgħid Mark Marlow.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport