Friday, December 20, 2024

L-Ocean Viking ilu erbat ijiem jistenna b’553 immigrant

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ilbieraħ, l-Ocean Viking, li hu bastiment immexxi minn SOS Mediterranee, kien ilu erbat ijiem jistenna bejn sema u ilma biex jingħata port sigur. Abbord il-bastiment hemm 553 persuna li kienu salvati minn diversi dgħajjes li ftit jiem ilu sabu ruħhom f’diffikultajiet.

Ilbieraħ SOS Mediterranean appellat lill-awtoritajiet marittimi biex jagħtu port sigur mingħajr dewmien. Hi sejħet ukoll lill-Istati Ewropew biex jirrijattivaw mekkaniżmu ta’ diżimbarkazzjoni u rilokazzjoni li jkun ta’ appoġġ għal dawk il-pajjiżi li jinsabu fuq il-fruntiera biex b’hekk jikkordinaw.

Ġie spjegat li l-Ocean Viking salva 555 persuna minn sitt dgħajjes li kienu f’diffikultà.  Fost dawn hemm mara tqila li kellha tkun evakwata lejn l-Italja flimkien mas-sieħeb tagħha. Il-553 persuna li fadal abbord fosthom 119-il minuri, 4 nisa tqal, u tarbija ta’ tlett xhur, qegħdin ibatu minn temperaturi għoljin ħafna.  “Dawn għandhom bżonn jitniżżlu l-art, l-istess kif għandu jsir għal 257 persuna li jinsabu abbord il-bastiment Sea Watch3”, qalet SOS Mediterranee.

Il-kundizzjonijiet ta’ dawk abbord l-Ocean Viking mhix xi waħda tajba, anzi jinsabu f’kundizzjoni fraġli ħafna. 

Fi kliem SOS Mediterranee, ħafna mill-immigranti qed isofru minn uġiegħ, xi wħud bi ħruq f’ġisimhom fost oħrajn.  Xi immigranti jidher li intilfu minn sensihom minħabba is-sħana. 

“F’din is-sħana u f’dan l-ispazju ristrett fuq il-bastiment, is-sitwazzjoni qed tmur għall-agħar minn ġurnata għall-oħra”, iddikjarat Luisa Alberta, kordinatur tas-salvataġġi abbord l-Ocean Viking. 

Saħqet li “il-bastiment għandu jservi biss ta’ tranzizzjoni minn sitwazzjoni ta’ periklu sakemm jitniżżlu f’port sigur. Li persuni li ħarbu minn mewta ċerta, jispiċċaw jagħmlu jiem jistennew fuq il-baħar sakemm jingħataw port sigut, hi sitwazzjoni li qed tpoġġi riskji fiżiċi u fuq is-saħħa mentali tagħhom.  L-inċertezza qed iżżid it-tbatija għal dawn in-nies.”

L-Ocean Viking bagħat diversi talbiet lil awtoritajiet marittimi biex joffru port sigur.

Meta tlajna abbord it-traffikanti bdew isawwtu lil kulħadd

Jirriżulta li sitt dgħajjes li fuqhom kien hemm l-immigranti telqu kollha mil-Libja. Xi wħud minnhom irrappurtaw li qabel ġew salvati kienu ilhom xejn inqas minn tlett ijiem fuq il-baħar. Xi immigranti tkellmu fuq l-abbużi kbar li esperjenzaw fil-Libja. 

“Meta tlajna fuq id-dgħajsa, it-traffikanti bdew isawwtu lil kulħadd. Kellhom l-armi f’idejhom. Spiċċajna bla ilma u bla fjuwil. Ma ingħatajniex satellite phone.  Bl-ebda mod ma stajna nikkuntattjaw lil xi ħadd biex isalvawna. F’ħin minnhom rajna dgħajsa vojta f’nofs ta’ baħar. Forsi kienu ġew salvati jew ittieħdu lura lejn il-Libja. Hemmhekk siban xi fliexken tal-ilma. Sibna ukoll landa bil-petrol. B’hekk komplejna bil-vjaġġ. Tlabna fuq li tlabna”, iddikjara Zidane, persuna ta’ 31 sena mill-Yemen, waqt li rrakkonta dak li għadda minnu lil voluntieri abbord l-Ocean Viking.

Zidane għamel 17-il siegħa f’dgħajsa tal-injam, flimkien ma’ 24 oħra. Kienu ippakkjati taħt id-dgħajsa qishom sardin.

Ekonomija

Sport