Minn Victor Vella
Wara li kien ilu imblukkat fil-port ta’ Palermo sa minn Lulju li għadda, fl-aħħar jiem il-bastiment Ocean Viking immexxi minn SOS Mediterranee inħeles mid-detenzjoni. Fi żmien qasir il-bastiment mistenni jirritorna fiċ-ċentru tal-Mediterran biex iwettaq is-salvataġġi.
Minkejja li nħeles l-Ocean Viking, xorta waħda għad hemm ħames bastimenti ta’ għaqdiet mhux governattivi miżmumin mit-Taljani.
Kien fil-21 ta’ Diċembru li wara spezzjoni ta’ sagħtejn, l-Ocean Viking inħeles mid-detenzjoni. Dan sar wara xhur sħaħ ta’ diskussjonijiet biex il-bastiment ikun konformi ma’ dak li bdew jitolbu l-awtoritajiet Taljani f’dawk li huma rekwiżiti ta’ sigurtà.
Ta’ min jirrimarka li fl-aħħar ġimagħtejn, fiċ-ċentru tal-Mediterran ma kien hemm ebda bastimenti umanitarji biex iwettqu is-salvataġġi.
Irid jingħad li fit-12 ta’ Diċembru, it-tim ta’ Pilotes Volontaires reġgħu bdew bil-missjonijiet tagħhom fl-ibħra Libjani. Dan kien qed isir permezz ta’ ajruplan tat-tip Colibri 2. Din l-organizazzjoni Franċiża kienet ilha madwar sena ma topera titjiriet minħabba li kienu qed jinżammu mill-awtoritajiet milli jagħmlu dan.
Intant fl-aħħar sigħat dgħajsa b’madwar ħamsin immigrant li telqet minn Sfax fit-Tuneżija sabet ruħha f’diffikultajiet. Id-dgħajsa għerqet u mit-tfittxijiet li saru instabu 20 katavru.