Monday, September 29, 2025

L-OCR huwa sport li verament hemm ferħ u sodizfazzjon ġewwa fih’ – Sean Porter

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-OCR?

L-imħabba tiegħi lejn l-OCR bdiet meta kont għadni żgħir. Minn etá żgħira dejjem kont nieħu gost niddendel u nagħmel ostakli bħal monkey bars il-bandli. Darba minnhom meta kont nittrenja t-triathlon kienu ħaduna nagħmlu l-OCR u verament kien għoġobni. Meta imbaghad waqaft it-triathlon ftakart fuq L-OCR u allura mort naghmel session biex nippruva u indunajt li kien l-isport li xtaqt inkompli. Jien ksibt diversi suċċessi u podiums f’Malta imma xorta waħda, il-kompetizzjonijiet barra minn Malta huma l-iktar viċin qalbi avolja ma nasalx viċin l-ewwel tlieta, peressli l-livell ikun mal-aqwa atleti tad-dinja.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Il-World Championships u l-European Championships huma tlielaq li l-emozzjonijiet li tesperjenza huma xi ħaġa li m’hemmx kliem biex tiddeskrivi. L-ammont ta’ ansjetá, determinazzjoni u ferħ li jien inħoss f’dawn il-mumenti. L-iktar kompetizzjoni li ħadt gost kienet il-European Championships ġewwa l-Portugall. Jien ksibt riżultat sodisfaċenti fil-5km fejn ġejt is-16 minn 50 atleta fil-kategorija tiegħi kif ukoll għaddejt għar-rawnd tas-16 fil-100m. Kienet waħda storika għal Malta għaliex l-atleti Maltin li jinkludu jien u diversi oħra dħalna f’dan il-livell.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Julian Briffa?

Julian Briffa huwa kowċ li d-dedikazzjoni u I-imħabba li juri lejja u lejn l-atleti tiegħu kollha hija xi ħaġa ammirabbli. Kieku kelli nirrifletti u naħseb fuq id-drabi li l-Kowċ Julian għenni mhux biss nilħaq il-livell ta’ OCR li jien fih bħalissa imma wkoll għenni nikkumbatti l-istress u l-biża’ li jkolli qabel it-tellieqa ma kienx jirnexxieli niftakarhom kollha.

Kif tqis il-livell tal-OCR f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-OCR bħalissa f’Malta huwa wieħed mill-ogħola li qatt kien hemm. Kull ġurnata, xahar u sena li tgħaddi, l-atleti Maltin tal-OCR qegħdin jittrenjaw bla waqfien mhux biss biex itejbu lilhom infushom imma wkoll biex il-livell tal-isport li huwa tant viċin qalbhom jogħla.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Jien nittrenja ma’ The Club Fitness Centre taħt it-tmexxija tal-Kowċ Julian Briffa ġewwa l-Qrendi, post li huwa tal-ogħla livell fl-OCR b’ostakli li jirriflettu dawk tal-European u l-World Championships kif ukoll wieħed mill-aħjar postijiet ta’ taħriġ f’Malta. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Hyrox.

L-OCR huwa sport li verament hemm ferħ u sodizfazzjon ġewwa fih imma m’huwiex sport faċli u għalhekk ħa jkun hemm mumenti baxxi kif ukoll mumenti għoljin. U allura għal dawk li jixtiequ jibdew l-OCR xi ħaġa waħda ħa ngħidilkom: ‘Taqtgħux qalbkom!’ 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport