Wednesday, October 1, 2025

‘L-OCR huwa sport sabiħ fejn trid ħafna determinazzjoni u attitudni li ma taqta’ qalbek qatt’ – Andy Caruana

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-OCR?

Jien kont wieħed mill-ewwel tfal li attendejt l-OCA meta fetaħ. Kont dejjem tiela’ mal-affarijiet id-dar u għalhekk il-ġenituri tiegħi ħaduni nipprova dan l-isport. Mal-ewwel sessjoni, jien ħassejt imħabba kbira lejn l-isport tal-OCR u issa ilni nipprattika dan l-isport għal dawn l-aħħar ħames snin.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq is-suċċess li ksibtu bħala Team Malta fl-Iżvezja fil-jiem li għaddew?

Team Malta kellha riżultati tajbin ħafna fl-Iżvezja li bniet fuq is-suċċess li kellna fil-Portugall f’Ġunju li għadda. Fl-Iżvezja kellna temp diffiċli għax bix-xita l-ostakli jkunu mxarrbin u b’hekk tkun iktar diffiċli li ma taqax. F’dawn iż-żewġ kompetizzjonijiet barra minn xtutna, ħadna ħafna esperjenza importanti li tgħinna nikbru bħala atleti.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Ivan Gauci?

Ivan Gauci huwa kowċ tajjeb ħafna. L-għan prinċipali tiegħu huwa dejjem li aħna l-atleti, nilħqu l-potenzjal tagħna u jaħdem ħafna biex inkunu l-aħjar atleti li nistgħu nkunu.  

Kif tqis il-livell tal-OCR f’pajjiżna?

Kif rajna mir-risultati li ksibna fil-Portugall u fl-Iżvezja, l-atleti Matlin jikkompetu tajjeb ma’ dawk barranin u jiksbu riżultati tajbin speċjalment fid-distanza ‘short course’, allura naħseb li l-livell tal-OCR f’pajjizna huwa tajjeb ħafna. 

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Ir-riżorsi fejn nitħarrġu huma tajbin u jippreparaw lill-atleti tajjeb. Fl-OCA, l-ostakli jinbidlu ta’ spiss biex jirriflettu l-livell tal-ostakli li nsibu barra minn xtutna. Ikun hemm ostakli oħrajn li jgħinuna nitgħallmu teknika differenti. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-OCR?

Jien naħseb li l-futur tiegħi fl-OCR għandu potenzjal tajjeb. Hemm ħafna impenn biex l-isport jikber u l-livell jitieb.  

Għaddi messaġġ finali lil kull min jixtieq jibda jipprattika l-OCR.

Il-messaġġ tiegħi hu li l-OCR huwa sport sabiħ u sport fejn trid ħafna determinazzjoni u attitudni li ma taqta’ qalbek qatt! Li tibqa’ tipprova u tipprattika sakemm finalment jirnexxielek tasal! 

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport