Thursday, September 25, 2025

‘L-OCR huwa sport sabiħ ħafna, u differenti minn kull sport ieħor … jitlob ħafna dixxiplina, iżda trid tippruvah biex tara kemm jagħti sodisfazzjon’ – Kyler Zammit

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-OCR?

Beda kollox meta mort festin ma’ ħija l-Obstacle Course Academy ġewwa l-Imrieħel. Waqt il-party kellna iċ-ċans nużaw ftit mill-faċilitajiet hemm. Hekk kif kont hemm mill-ewwel ħassejtni komdu u indunajt li dak kien se jkun l-isport tiegħi. Jien minn dejjem kont inħobb naqbeż u niddendel speċjalment meta kont inkun il-bandli u minn eta żgħira kont anke immur numru ta’ sports differenti. Pero qatt ma komplejt. Kont nagħmel ftit xhur u nieqaf,  għax kont nitlef l-interess. Issa ilni niġi hawn l-OCA, nipprattika dan l-isport, ħames snin u tant nieħu gost li, li kieku nista lanqas immur id-dar!

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq is-suċċess li ksibtu bħala Team Malta fl-Iżvezja fil-jiem li għaddew?

Din kienet ir-raba’ esperjenza tiegħi li pparteċipajt barra minn Malta fl-Obstacle Course Races (OCR). Kull darba tkun esperjenza unika u mill-isbaħ. Barra minn Malta, niltaqgħu ma atleti kbar u ta’ livell għoli u għalhekk tkun xi ħaġa sabiħa ħafna. Ngħid għalija anke dik li nikkompetu kontra dawn l-atleti tfisser suċċess għal Team Malta. Pero kont kuntent ħafna ukoll bis-suċċess li għamilna l-Iżvezja ftit ilu, speċjalment għall-ħabiba tiegħi, Emily Vella li ġiet fit-tielet post, u ġabet medalja tal-bronze. Ovvjament kif għidt diġá, l-esperjenza li tagħmel hija kbira u f’dawk l-erbat ijiem li tagħmel hemm titgħallem ħafna speċjalment meta tara mill-qrib kif jittrenjaw atleti oħra, u meta titkellem magħhom u tiddiskuti anke dwar xi tekniki li jużaw huma biex jaqbżu l-ostakli.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Ivan Gauci?

Il-Kowċ għalija huwa kollox. Li ma kienx għalih żgur ma avvanzajtx daqshekk fl-isport. Huwa dejjem hemm għall-atleti kollha. Nittrenjaw miegħu kuljum u jurina ħafna dixxiplina  u imħabba kbira lejn dan l-isport.  Jien dejjem sibt il-Kowċ Ivan, kull darba li kelli bżonn inkellmu jew ikolli bżonn parir. Anke meta jara li minix ikkonċentrat, jew ħsiebi x’imkien ieħor, tarah jibgħatli ha jara jekk hux kollox sew. Hu jieħu interess fl-atleti kollha u il-verita hi, li il-quddiem nixtieq inkun kowċ bħalu.

Kif tqis il-livell tal-OCR f’pajjiżna?

Bħala pajjiż naħseb li f’Malta m’hawnx ħafna għarfien dwar dan l-isport. U għalkemm l-interess qed jikber m’hawnx postijiet biżżejjed fejn nistgħu nittrenjaw. Jekk tqis ċertu pajjiżi, sa anke skejjel għandhom fejn jittrenjaw għall-OCR.  Nixtieq li jikun hawn aktar għajnuna u sapport lejn dan l-sport u lejn l-atleti u anke narawh fi skejjel, speċjalment fl-iskola nazzjonali tal-isport.

Kif qed tħares lejn il-futur tieghek fl-OCR?

Nixtieq ħafna inkompli nirrapreżenta lil Malta f’dan l-isport u il-ħolma tiegħi hija li nirbaħ it-tellieqa tal-100m f’kompetizzjoni internazzjonali u nagħmel ħin rekord.

addi messaġġ finali lil kull min jixtieq jibda jipprattika l-OCR.

Huwa sport sabiħ ħafna, u differenti minn kull sport ieħor. L-isport jitlob ħafna dixxiplina, iżda trid tippruvah biex tara kemm jagħti sodisfazzjon. Huwa sport individwali li jagħllmek il-limiti tieġħek iżda jaf jagħtik aktar kunfidenza fik innifsek. Inħeġġeġ aktar żagħżagħ biex jiġu l-OCA, ħalli jippruvawh!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport