Saturday, December 21, 2024

L-ogħla awtoritajiet jingħaqdu f’appell konġunt favur il-paċi

Aqra wkoll

L-ogħla awtoritajiet ta’ pajjżna ngħaqdu fi Pjazza Kastilja, fil-Belt Valletta biex iwasslu l-messaġġ tagħhom għal dawn iż-żminijiet ta’ festi lill-poplu Malti u Għawdxi. Dan l-avveniment ta’ għaqda huwa parti mill-kampanja “Milied Flimkien” organizzata minn Festivals Malta.

Fid-diskors tagħha l-President ta’ Malta, Myrian Spiteri Debono fakkret kif f’żewġ anniversarji importanti bħalma huma l-Indipendenza u r-Repubblika kkonfermaw kif il-poplu tagħna kien wieħed maqgħud u baqa’ hekk fl-aħjar interess nazzjonali. Hija sostniet li mhux kull pajjiż, poplu jew ġens għandu l-paċi li għandna aħna u għalhekk irridu nkunu grati lejn kull min qiegħed jieħu d-deċiżjonijiet biex pajjiżna jista’ joffri ħajja aħjar. Hija appellat lil dawk kollha li jistgħu jwarbu xi ħaġa biex inkunu nistgħu ngħinu lil dawk inqas ixxurtjati.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għall-inizjattiva ‘Rigal bi mġabba’ li rnexxielha tiġbor fiha l-valuri li jsawru l-poplu Malti u li tant eluf ta’ tfal se jkunu jistgħu jkollhom id-dritt li f’dawn iż-żminijiet jiftħu r-rigal tagħhom. Saħaq dwar in-nukleu tal-familja u l-ħtieġa li nkomplu nibnu fuqu. Huwa appella lit-tfal biex jingħaqdu mal-awtoritajiet Maltin biex pajjiżna jibqa’ jimbotta favur il-paċi anke jekk bħal dan iż-żmien sena kien qed jagħmel l-istess appell u sfortunatament din is-sena kienet waħda li sfortunatament rat eskalazzjoni f’dawn il-kunflitti.

Min-naħa tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li li nkunu solidali tfisser li nieqfu ma min għandu bżonn u li tieqaf ma’ min għandu bżonn huwa wieħed mill-ewwel valuri li kellu l-bniedem. Grech qal li nkunu hemm għal ħaddieħor mhux biss b’mod finanzjarju imma anke billi nagħtu l-ħin tagħna b’kelma ta’ kompassjoni jew imħabba biex nuru lil ħaddieħor li għandu valur f’ħajjitna.

L-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia qal li minħabba d-daqsxejn ta’ kesħa li kien hemm waqt l-istess ċerimonja, dawk preżenti kellhom il-kumdità li jilbsu komdu. Madanakollu tfal oħrajn barra minn xtutna mhux biss m’għandhomx il-kumditajiet tagħna, imma qegħdin isofru minn dawn il-kunflitti. Huwa saħaq li għandna bżonn naħdmu aktar biex nagħtu sehemna biex ikollna l-paċi madwarna biex kemm jista’ jkun jonqsu l-vittmi ta’ dawn il-kunflitti.

L-Arċisqof Charles  J.Scicluna rrefera għall-prietka tat-tfal li tfakkar il-ġrajja tal-anġli. Huwa qal li l-awgurju tiegħu għal din is-sena huwa li naħdmu flimkien. Huwa rrefera għall-attakk tal-Ġimgħa filgħaxija fil-Ġermanja u l-ħasra li f’dawn il-ġranet ta’ festi u kuntentizza hemm min ikollu jbati. Irrefera wkoll għall-kunflitti u l-ħtieġa li nkomplu naħdmu għall-paċi.

Ekonomija

Sport