Wednesday, July 23, 2025

L-OHSA b’miżuri mandatorji ta’ protezzjoni mis-sħana għall-ħaddiema tal-kostruzzjoni

Aqra wkoll

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA) ħabbret l-implimentazzjoni tal-Istrument Amministrattiv Nru 2 tal-2025, li jintroduċi rekwiżiti statutorji komprensivi għall-protezzjoni tal-ħaddiema tal-kostruzzjoni li jaħdmu dirett fix-xemx minn heat stress u esponiment perikoluż għar-radjazzjoni UV. Ir-regolamenti l-ġodda, li jidħlu fis-seħħ immedjatament, jirrappreżentaw pass importanti ’l quddiem fis-salvagwardja tal-ħaddiema tal-kostruzzjoni f’Malta f’kundizzjonijiet tat-temp dejjem aktar estremi.

Is-siti ta’ kostruzzjoni huma rikonoxxuti bħala industriji ta’ riskju għoli mad-dinja kollha. Malta tikklassifika fost l-ewwel pajjiżi li qiegħda tilleġiżla sabiex tissalvagwardja lill-ħaddiema f’dan is-settur ta’ riskju għoli mill-effetti ħżiena tal-esponiment estrem għas-sħana.

Dr Jonathan Attard, Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, laqa’ l-miżuri l-ġodda, u qal “Dawn il-miżuri mandatorji li qed tintroduċi l-Awtorità fl-interess tal-ħaddiema huma frott tar-riforma li wettaqna fil-liġi tal-OHSA. Bil-liġi l-ġdida, approvata eżatt sena ilu mill-Parlament, l-Awtorità tista’ tintervjeni b’mod aktar mgħaġġel f’sitwazzjonijiet ta’ riskju għoli – bħat-temperaturi għoljin li qed nesperjenzaw bħalissa.”

Riskji Kritiċi għas-Saħħa mill-Esponiment għax-Xemx

Il-ħaddiema tal-kostruzzjoni jiffaċċjaw riskji sostanzjali għas-saħħa minn esponiment fit-tul għad-dawl tax-xemx dirett u temperaturi ambjentali għoljin. L-evidenza xjentifika turi li esponiment eċċessiv għar-radjazzjoni UV jista’ jwassal għal kanċer tal-ġilda, ħsara prematura fil-ġilda, u kundizzjonijiet akuti bħall-ħruq mix-xemx u l-eżawriment tas-sħana. Il-heat stress, sadanittant, jista’ jirriżulta f’puplesija tas-sħana, deidratazzjoni, tnaqqis fil-funzjoni konjittiva, u f’każijiet severi, ipertermija potenzjalment fatali.

“L-industrija tal-kostruzzjoni minnha nnifisha tippreżenta perikli okkupazzjonali, u l-ħaddiema tagħna jistħoqqilhom l-ogħla livell ta’ protezzjoni,” stqarret Dr Josianne Cutajar, Kap Eżekuttiv tal-OHSA. “Dan l-Istrument Amministrattiv jistabbilixxi salvagwardji mandatorji li jirrikonoxxu l-implikazzjonijiet serji għas-saħħa meta ssir ħidma fid-dawl tax-xemx dirett, b’mod partikolari matul ix-xhur intensi tas-sajf f’Malta.”

Miżuri Protettivi Obbligatorji

Ir-regolamenti l-ġodda jistabbilixxu diversi rekwiżiti prinċipali għas-siti ta’ kostruzzjoni kollha fejn il-ħaddiema jaħdmu direttament fix-xemx. Minbarra l-obbligi ġenerali relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, inkluż id-dmir li titwettaq evalwazzjoni tar-riskju, l-Istrument Amministrattiv jintroduċi għadd ta’ miżuri protettivi obbligatorji, fosthom:

• Il-provvista ta’ stazzjonijiet ta’ idratazzjoni bi provvista adegwata ta’ ilma tax-xorb.

• Il-ħaddiema għandhom jingħataw waqfiet regolari ta’ idratazzjoni kif meħtieġ f’żoni identifikati b’temperaturi iktar baxxi, filwaqt li titqies in-natura tax-xogħol li jkun qed isir, id-daqs u n-natura tas-sit.

• Il-provvista ta’ kenn għall-ħaddiema bħal, iżda mhux limitati għal, tined jew skrins jew miżuri oħra li jnaqqsu l-espożizzjoni għal livelli tal-UV fejn hu possibbli.

• Il-provvista ta’ suncreen adegwat (eż. creams) b’SPF għoli.

• L-inkoraġġiment tal-ħaddiema biex jilbsu ħwejjeġ ħfief u, jew ħwejjeġ oħra li jipproteġu kontra r- riskji mis-sħana u, jew mix-xemx fejn possibbli. Iżda dan m’għandux jippreġudika l-użu ta’ lbies protettiv personali meħtieġ skont l-evalwazzjoni tar-riskju. Il-prattika li jitħallew ħaddiema mingħajr lbies xieraq fuq is-sit għandha tkun ipprojbita.

• Il-miżuri protettivi u preventivi għandhom iqisu wkoll fatturi oħra li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ambjentali, personali u tax-xogħol; li kollha jistgħu jinfluwenzaw it-tolleranza għas-sħana, u li għandhom jiġu inklużi wkoll kif applikabbli fl-evalwazzjoni tar-riskju.

• F’każ li t-temperatura ambjentali tilħaq jew taqbeż l-40 grad Celsius, kif irrappurtat uffiċjalment mill-Uffiċċju Meteoroloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, is-supervisor tal-proġett għandu, b’konsultazzjoni mad-detenturi ta’ dmir rispettivi, jevalwa l-kundizzjonijiet prevalenti tas-sit u jiżgura li jiġu implimentati miżuri protettivi u preventivi xierqa biex jissalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, forniment ta’ żoni ta’ mistrieħ fid-dell, aktar waqfien ta’ idratazzjoni, skedar tax-xogħlijiet, jew is-sospensjoni parzjali jew temporanja ta’ xogħlijiet li jkunu qed isiru direttament fix-xemx fejn jitqies meħtieġ.”

Bażi Xjentifika u Evalwazzjoni tar-Riskju

L-Istrument Amministrattiv huwa bbażat fuq miżuri xjentifiċi stabbiliti tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol u jitlob evalwazzjonijiet tar-riskju komprensivi li jqisu l-kundizzjonijiet ambjentali, kif ukoll dawk personali u tax-xogħol li jaffettwaw kemm wieħed jittollera s-sħana. Il-project supervisors jridu jevalwaw diversi fatturi, inklużi t-temperatura ambjentali, il-livelli ta’ umdità, l-intensità tax-xogħol, il-karatteristiċi individwali tal-ħaddiema, u l-kundizzjonijiet li jkunu speċifiċi għas-sit.

Ir-riċerka tindika li l-ħaddiema tal-kostruzzjoni jiffaċċjaw riskji ogħla minħabba n-natura fiżika tax-xogħol tagħhom, il-fatt li l-materjali tal-kostruzzjoni jżommu s-sħana, u d-dell naturali limitat fuq il-biċċa l-kbira tas-siti tal-bini. Meta tqis flimkien it-temperaturi ambjentali għoljin, ir-radjazzjoni mix-xemx diretta, u l-attivita fiżika qawwija, jinħolqu kundizzjonijiet fejn l-heat stress jista’ jiżviluppa f’ħin qasir.

Implimentazzjoni u Konformità

Ir-regolamenti japplikaw għad-detenturi kollha tad-dmirijiet involuti f’attivitajiet ta’ kostruzzjoni, inklużi l-prinċipali, il-persuni li jaħdmu għal rashom, il-klijenti, u l-project supervisors. Approċċ komprensiv jiżgura li jkun hemm obbligu ta’ rendikont fil-livelli kollha tal-ġestjoni tal-proġetti ta’ kostruzzjoni.

L-eżenzjonijiet huma permessi biss għal xogħlijiet ta’ interess nazzjonali, li jeħtieġu miżuri protettivi msaħħa u dokumentazzjoni dettaljata ta’ ġustifikazzjoni u salvagwardji implimentati.

Qafas Legali u Infurzar

L-Istrument Amministrattiv jopera taħt l-Att dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (Kapitlu 646 tal-Liġijiet ta’ Malta) u jikkumplimenta r-regolamenti eżistenti dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni. In-nuqqas ta’ osservanza jista’ jirriżulta f’azzjoni ta’ infurzar.

L-appelli dwar l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti jistgħu jiġu ppreżentati lit-Tribunal għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq [email protected] fi żmien 20 jum tax-xogħol.

Fil-kummenti tagħha, Dr Cutajar qalet li: “Dawn ir-regolamenti jpoġġu lill-industrija tal-kostruzzjoni f’Malta biex tadatta b’mod proattiv għall-kundizzjonijiet ambjentali li qed jinbidlu filwaqt li tipprijoritizza l-benesseri tal-ħaddiema.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport