Saturday, November 30, 2024

L-OHSA b’sessjonijiet informattivi dwar il-liġi li daħlet fis-seħħ din il-ġimgħa

Aqra wkoll

Hekk kif imħabbar mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Ġustizzja Jonathan Attard aktar kmieni din il-ġimgħa daħal fis-seħħ l-att prinċipali tal-OHSA, kif ukoll liġi sussidjarja ġdid b’penali amministrattivi b’saħħitom.

Intant bħalissa l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol għaddejja b’diversi sessjonijiet ta’ informazzjoni mal-istakeholders biex tkompli tispjega din il-liġi l-ġdida.

S’issa l-OHSA ltaqgħet fost l-oħrajn ma’ dawk li jħaddmu, il-Kamra tal-Intrapriżi żgħar u medji (SME’s), L-Assoċċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA), Unions bħalma huma l-GWU u l-UĦM, amministrazzjoni tas-servizz pubbliku u Kunsilli lokali.

Mhux biss, l-Awtorità mpenjata li tkompli b’dawn is-sessjonijiet anke f’Għawdex b’żewġ sessjonijiet hemmhekk il-ġimgħa li ġejja.

Min-naħa tagħha l-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Dr Josianne Cutajar qalet li s-sessjonijiet kollha li saru s’issa kellhom attendenza tajba u l-parteċipanti involvew ruħhom b ’mod attiv. Qalet ukoll li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol tinsab impenjata li tkun riżorsa t’informazzjoni u direzzjoni.

“Importanti li l-interpretazzjonijiet tal-liġi u kif dawn jolqtu lill-imsieħba differenti jkunu ċari sabiex ir-riforma kif hi pjanata fil-liġi tiġi wkoll implementata sabiex iġġib il-vera bidla fil-kultura li tpoġġi s-salvagwardja tal-ħaddiem fuq nett tal-aġenda ta’ kull intrapriża u tgħolli l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà ta’ kull ħaddiem f’pajjiżna”, tenniet Dr Cutajar.

Il-ħtieġa ta’ qafas leġiżlattiv ġdid kienet ilha tinħass għal żmien twil hekk kif l-aħħar tibdil leġiżlattiv maġġuri kien imur lura għal aktar minn 20 sena.

Il-liġi qiegħda tintroduċi aktar dispożizzjonijiet li l-ksur tagħhom iwassal għal penali amministrattivi, u tagħti aktar setgħa lill-awtorità biex taġixxi malajr minflok tiddependi fuq proċessi twal fil-qorti.

Barra minn hekk, il-penali ġew aġġornati b’tali mod li jservu ta’ deterrent aktar effettiv kontra nuqqasijiet fuq il-postijiet tax-xogħol.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport